Tlett irġiel issa ilhom jinżammu ftit inqas minn tliet xhur il-ħabs fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Skont dak li nafu s’issa jidher li kienu huma li poġġew bomba fil-karozza ta’ Daphne u splodewha biex joqtluha. B’hekk wettqu d-delitt li ġew ikkummissjonati minn xi ħadd ieħor.
Dak ix-xi ħadd ieħor ma nafux min hu.
Mill-inqas wieħed minn dawn it-tlett irġiel ġie avviċinat minn xi ħadd li tkellem miegħu u qabbdu jwettaq dan il-qtil. Mill-inqas wieħed minnhom tħallas jew ġie mwiegħed xi ħaġa biex iwettaq dan ir-reat orribbli.
Jekk, kif kollox jindika, dawn l-irġiel kienu involuti fl-assassinju tal-ġurnalista, allura ħaqqhom li jiġu kkastigati. Imma l-ġustizzja ta’ din id-dinja mhix perfetta u kultant ikollna nagħżlu. Jekk wieħed mit-tlett irġiel jew aktar jiddeċiedu li jridu jikxfu l-provi – kif jgħid l-Ingliż, isiru state’s evidence – insibu min kien il-moħħ wara l-assassinju. U f’dan l-istadju, li jinqabad min ikkummissjona l-qtil hu aktar importanti.
Dawn il-kriminali żgur li mhumiex se jixhdu għax taħraqhom qalbhom. Jistennew li jiġu ppremjati biex jagħmlu dan u dan bilfors ifisser li jrid ikun hemm xi tip ta’ tnaqqis fil-piena jew saħanistra immunità biex iġġegħelhom jitkellmu u jipprovdu evidenza li twassal biex jinqabad il-moħħ wara d-delitt.
S’issa nafu li t-tlieta li huma għadhom ma lissnux kelma waħda.
Naf li xi kelliema tal-gvern avviċinaw ġurnalisti u ppruvaw jagħtuhom x’jifhmu li saret xi tip ta’ offerta lit-tliet kriminali biex jitkellmu. Dan kollu biex tingħata l-impressjoni li qed isir minn kollox biex jinqabdu dawk li huma verament reponsabbli għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Imma s’issa għadna ma ngħatajna l-ebda spjegazzjoni ċara u li ma tħalli l-ebda dubju dwar jekk saritx l-offerta ta’ immunità, inkella maħfra parzjali, biex dawn jikxfu min bagħathom.
Għalhekk nistaqsu…l-offerta mill-gvern saret jew le?