Mid-dehra għamel f’qalbu Neville Gafà għax għandu reputazzjoni ta’ korruzzjoni tinten imdendla ma’ għonqu, b’mod partikolari minħabba l-akkużi ta’ estorsjoni fuq viżi maħruġa lil immigranti.    

Dan l-aħħar bgħat tweet mimlija rabja fil-konfront tal-MP Nazzjonalista Claudette Buttigieg għax din kellha l-“ardir” li tibgħat retweet lil xi ħadd li kien bgħatlu tweet li kkwota rapport imxandar fil-ġurnali li kwart tal-istudenti tal-Universita’ Amerikana kienu dabbru rashom minn Malta wara li, bis-saħħa ta’ intervent mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, kienu akkwistaw viża.   

X’jippretendi dan l-imbierek Neville Gafà?

Meta l-ġurnali ixandru aħbar li kienet saret pressjoni mill-uffiċċju tal-Prim Ministru fuq Identity Malta biex jinħarġu viżi lil dawn in-nies, m’hix ħaġa minn ewl id-dinja li l-ewwel persuna li tiġik f’moħħok hija proprju hu?  

Żgur mhux ser jiġi f’moħħna s-segretarju tal-kabinett jew il-kap messaġġier.

Ta’ min ifakkar li Neville Gafà kien ġie mixli li ixxaħħam b’għexieren ta’ eluf ta’ ewro biex jinħarġu viżi mediċi għal persuni mil-Libja. Ta’ min ifakkar ukoll li, meta Gafà kien allegatament naqas li jipprovdi viżi li għalihom kien diġa’ tħallas, kien hemm xi ħadd li kixfu. Minkejja li kien ċaħad l-akkużi kollha, min jista’ jlum lil min hu tal-fehma li Gafà llum għadu jiġri barra bis-saħħa tal-fatt li qed isib il-kenn mingħand Keith Schembri u Konrad Mizzi?         

M’hemmx dubju li Gafà se jkompli jgħid li l-allegazzjonijiet kontrih qatt me ġew pruvati u li hu qatt ma ġie kundannat minn xi Qorti għar-reati li ġie mixli bihom.  

Kumbinazzjoni Al Capone kellu l-ħila jgħid l-istess ħaġa: ħaġa li tistennieha minn bniedem ġifa li jaħdem fl-interessi tal-kriminali li jtuħ il-kenn li jkun jeħtieġ.

Hekk kif din il-powst tixxandar fuq il-Facebook, ibqgħu ċerti li se jispuntaw ruxxmata fake profiles biex jippruvaw ibeżżgħu bit-theddid u t-twissijiet.

Id-dehra korrotta ta’ Neville Gafà f’għajnejn in-nies hi ħaġa minn ewl id-dinja. U ta’ min ifakkar li l-Ħadd wara nofsinhar, erbgħa u għoxrin siegħa qabel l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Gafà intlemaħ isegwiha hi u ddur għall-affari tagħha f’ħanut tal-qsari.

Il-bieraħ fil-mira tiegħu qiegħed lil Claudette Buttigieg wara li din bgħatet retweet dwar dak li hu mill-aktar ovvju. U issa, minħabba dak li ġara’ lil Daphne Caruana Galizia, dan Neville Gafà donnu qed jaħseb li se jwerwirna.

M’għandux ċans.