Ma rridx nidħol fil-merti jekk għandux isir monument permanenti biex ifakkar lil Daphne Caruana Galizia, meta għandu jsir u fejn. Jekk nipprova nagħmel hekk probabbli jirnexxili nifforma opinjoni dwar dan, imma ma naħsibx li bħalissa dan hu l-aktar suġġett importanti fuq l-aġenda nazzjonali.

Meta madwar xahar ilu tkellimt fl-attività li saret maġenb il-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt, kont għidt li jekk l-iskop tal-fjuri u x-xemgħat fil-Belt kien sempliċiment biex inkomplu nibku t-telfa ta’ persuna li konna nammiraw jew nirrispettaw, kulma nkunu qed nagħmlu hu funeral pubbliku li ma jispiċċa qatt. Jista’ jkun li nħossu li għandna kull dritt nagħmlu hekk, imma mhux dak l-iskop.

Li jfisser verament il-mafkar ta’ Daphne fil-Belt Valletta huwa sinjal ta’ protesta u sfida, u l-post fejn jinsab faċċata tal-qrati jagħmel sens mija fil-mija ladarba dak li qed nipprotestaw kontrih f’dan il-każ huwa l-falliment tal-ġustizzja.

Imma noġġezzjona b’qawwa għat-theddida kerha ta’ Glenn Bedingfield li jekk kwalunkwe mafkar li jista’ jsir f’ġieħ Daphne Caruana Galizia ma jkunx fejn ma jarawhx in-nies, allura kull att vandalu premeditat fil-konfront tiegħu jkun ġustifikat.

Glenn Bedingfield kiteb li “it-tentazzjoni li jiġi vandalizzat mafkar ta’ mara li tkun għajjret lill-familji tagħhom tkun qawwija wisq. Ara jekk il-monument isir xi mkien ‘il bogħod, ħadd ma jitħajjar. Kieku jitħalla fil-kwiet għax il-vandali ma jinteressahomx li jwettqu atti vandali meta l-atti tagħhom ma jiġux innutati. Il-Bidnija tkun il-post ideali jekk dawk il-ftit li ħarġu b’din l-idea jixtiequ jippersistu b’din il-materja.”

Araw dan il-mafkar li ma jinstabx f’xi post ‘il bogħod.

 

Mhux eżattament moħbi minn għajnejn in-nies, x’taħsbu? Imwaqqaf fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista biex bħal qisu jnessina l-korruzzjoni rampanti u l-vjolenza fiżika li għaddew minnha l-vittmi tiegħu, dan il-mafkar tal-bronż ta’ Lorry Sant jiddirieġi t-traffiku fiċ-ċentru ta’ Raħal Ġdid. Ħafna nies ġew mgħajjra minn Lorry Sant b’aġġettivi ħafna agħar minn dawk deskritti minn Glenn Bedingfield. Ma niftakarx li kien hemm xi ħadd li ddikjara li jittollera li l-mafkar tiegħu jiġi vandalizzat.
Bħala regola ġenerali, jien m’iniex xi patit tal-monumenti. U dawn huma suġġetti li ma niħux pjaċir nikteb dwarhom jekk jista’ jkun. F’dan il-pajjiż il-monumenti ġeneralment jappartjenu għal mentalità retorika soċjalista li tfakkrek fil-purtiera tal-ħadid jew inkella jispiċċaw is-suġġett ta’ estremitajiet bla sens bħalma hija l-famuża għoqda f’Misraħ Kastilja li qisha għamluha allat u eroj li tant huma misdudin li jkakku l-irħam. Normalment joħolqu wkoll argumentazzjoni bażwija li ma tinżillix – bħal sens ta’ qdusija sekulari, kemm jekk jistħoqqilhom u kemm jekk le.
Imma li jkollok uffiċjal tal-gvern li japprova l-atti vandali fuq il-monumenti u jipprova jbellagħhielna li huma ġustifikati bħala theddida biex jipprova jagħlaq ħalq dawk li b’sens ċiviku qed jagħmlu minn kollox biex individwi li kkontribwew għall-komunità ma jintesewx huwa verament xokkanti.Għad jasal il-mument meta probabbli jkollha ssir id-diskussjoni dwar jekk u fejn għandu jsir monument li jfakkar lil Daphne Caruana Galizia. Għalissa, imma, l-importanti hu li niżguraw li dawk li ordnaw li tiġi assassinata jinqabdu u jiffaċċjaw il-ġustizzja. U li dawk li ħolqu l-ambjent fejn il-qtil tagħha sar inevitabbli wkoll iħallsu ta’ għemilhom.Dan jinkludi lil Glenn Bedingfield. Ir-razzjonalizzazzjoni tal-vandaliżmu fuq mafkar ipotetiku ad unur tagħha hija biss estensjoni loġika wara mewtha ta’ dak li nies bħal Glenn Bedingfield kien medhija bih tul ħajjitha: it-tentattiv biex tiġi ġġustifikata l-vjolazzjoni tad-dinjità tagħha u tad-dritt li kellha li teżerċita l-funzjoni tagħha bħala ġurnalista u persuna li tikkritika mingħajr il-ħtieġa li tibża’ li tista’ tinqatel.

Sakemm jiġri dan, il-fjuri li hemm fuq il-monument tal-Assedju bi protesta għall-qtil tagħha, bħal sinjal ta’ protesta u sfida apparti bħala sinjal ta’ tifkira, iridu jibqgħu jirrappreżentaw ir-rabja li ħafna aktar nies mill-“ftit magħżulin” ta’ Glenn Bedingfield għandhom id-dritt li jħossu u jesprimu. U l-ebda tenattiv ta’ intimidazzjoni ma jista’ jbiddel dan.