L-eks impjegata tal-Bank Pilatus Maria Efimova, li xehdet fl-Inkjesta Maġisterjali li għaddejja dwar il-kumpanija Egrant Inc, iddeċidiet li ma tibqax tistaħba fi Kreta u tat lilha nfisha b’mod volontarju lill-pulizija f’Ateni wara l-mandat ta’ arrest internazzjonali li nħareġ kontriha minn Malta.
Il-mandat ta’ arrest kontriha kien inħareġ wara li ma attendietx għal seduti tal-qorti li matulhom kien qed jinstema’ lment kriminali li nfetaħ kontriha mill-Bank Pilatus li kien jimpjegaha. Efimova kienet mixlija mill-bank b’miżapproprjazzjoni ta’ inqas minn 2,000 ewro.
Fil-konfront tagħha hemm ukoll mandat ta’ arrest mill-awtoritajiet f’Ċipru wara każ ieħor li tressaq lejn tmiem is-sena l-oħra minn kumpanija tal-fwejjaħ b’sidien Russi li magħha kienet taħdem Efimova sa erba’ snin ilu. Anke f’dan il-każ l-akkuża hija ta’ miżapproprjazzjoni ta’ fondi.
Id-deċiżjoni tagħha li tagħti lilha nfisha f’idejn il-pulizija f’Ateni kienet irrappurtata mit-televiżjoni fil-Greċja.
Dan is-sit elettroniku huwa infurmat li kulma jmur Maria Efimova kienet qed tinkwieta dejjem aktar dwar is-sigurtà personali tagħha.
Il-qorti f’Ateni issa se tintalab tiddeċiedi fuq it-talba ta’ Malta biex Maria Efimova tiġi estradita lejn Malta biex twieġeb għal allegazzjonijiet ta’ miżapproprjazzjoni mill-Bank Pilatus.
L-istazzjon tat-TV Grieg tvx.gr irrapporta li Maria Efimova beżgħet li tista’ tmissha l-istess xorti ta’ Daphne Caruana Galizia. Hi kienet qed tgħix bil-moħbi fi Kreta, fejn jgħixu żewġha u ż-żewġ uliedha.
Dan l-aħħar irċeviet telefonati mingħand il-ġurnalisti, l-aktar mill-midja Ingliża, li allegaw li b’xi mod seta’ kellha x’taqsam mal-aħħar kwistjoni li nqalgħet bejn ir-Renju Unit u r-Russja. F’diskors li kien għamel f’Mejju 2017 Joseph Muscat kien ittimbraha bħala spija. It-televiżjoni Griega rrappurtat li fid-dawl ta’ dawn l-aħħar telefonati, Efimova ddeċidiet li tagħti lilha nfisha f’idejn l-awtoritajiet Griegi minħabba li qed tibża’ li tista’ tinqatel u hija preokkkupata serjament dwar is-sigurtà tal-familja tagħha.
L-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tal-Greċja llum għandu jiddeċiedi dwar x’għandu jkun id-destin tagħha.