Meta wieħed jaqra’ The Guardian u The Observer dwar il-whistleblower li kien impjegat ma’ Cambridge Analytica nifhem li wieħed għandu għalxiex ikun inkwetat bin-nuqqas ta’ skrupli ta’ ċerti biljunarji li qegħdin jużaw it-teknoloġija biex jinfluwenzaw il-kotra tal-votanti fl-iktar pajjiżi demokratikament sofistikati fid-dinja biex jaċċettaw il-fabbrikazzjonijiet u l-gideb.

Din hija l-istorja dwar kif il-gidba tista’ tegħleb is-sewwa. Dan ifakkarna fix-xenarju li kien iddeskriva Stephen Hawking fejn it-teknoloġija tegħleb lil min ikun ħalaqha. Għalkemm s’issa t-teknoloġija tinsab nieqsa mis-sentiment uman, għandha biżżejjed saħħa li tifhem lin-nies iktar milli dawn jifhmu lilhom infushom. Għandha saħħa biżżejjed li ġġiegħel lin-nies jqisu l-gideb u l-fake news bħala verità sagrosanta.

Issa drajna l-mod kif Joseph Muscat u sħabu l-gideb ipinġuħ bħala dak li hu sewwa, u dan jagħmluh qishom m’humiex huma. Din it-tattika drajniha iżda xorta tibqa’ skandaluża.

Nhar il-Ġimgħa filgħaxija xxandret l-aħbar dwar arresti li saru b’rabta ma’ karrozza bomba li ma ħaditx u liema storja seħħet xhur ilu. U l-prim ministru bilġri xandar tweet li tat lil wieħed x’jifhem li l-gvern kien qabad ħuta li tant kienet kbira li ma kienx biss każ li dwaru wieħed jirringrazzja lill-forzi tal-ordni u jieqaf hemm.

Kif kien mistenni, il-Malta Today xandret l-aħbar ftit sigħat wara. Dan il-ġurnal li ppermetta lil ta’ Kastilja jbellagħlu stejjer li Soleil u Etoile Muscat qegħdin iwettqu “diplomazija taż-żfin’ għall-ġid ta’ Malta, issa ħalliet lil ta’ Kastija jbellgħulu aħbar li wieħed mill-persuni arrestati jiġi ħu id-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia.

Anke qabel ixxandar ir-rapport tal-Malta Today, tweeter anonimu kien diġà qed jisfida lili u lil Ivan Camilleri tat-Times of Malta talli din il-biċċa aħbar konna qed “ninjorawha”. Minn dakinhar ‘l hawn, din it-tweet tħassret. Apparti l-fatt li jien m’inix aġenzija tal-aħbarijiet u m’għandi ebda riżorsi ħlief par idejn u moħħ, kont għadni ma smajtx dwar dawn l-arresti u wisq inqas li wieħed mill-arrestati jiġi minn politiku.

Barra minn hekk, l-istorja ma stajtx nakkwista konferma tagħha minn sorsi uffiċjali. Il-pulizija ma tniffsux. iżda huwa ovvju li dawn tkellmu ma’ ta’ Kastija u ta’ Kastilja mbagħad kellmu lil tal-Malta Today.

Iddeċidejt li nistenna sakemm nirċievi konferma tal-istorja u mn’Alla li ddeċidejt li nagħmel dan. Tal-Malta Today spiċċaw biex talbu skuża talli xandru r-rapport. Evidentement ta’ Kastilja kienu għaddewlhom isem b’ieħor. L-informazzjoni mgħoddija ma kenitx ta’ min wieħed jorbot fuqha.

Stennejt sa l-għada filfħodu. Glenn Bedingfield issa beda’ jikkritikani (u lil ħaddieħor) li jien bniedem partiġġjan u li ma tatnix xi puplesija fuq l-arrest ta’ ħu deputat tal-PN. Qatt ma kilt il-kirxa ma’ dan il-bniedem, imma napprezza l-fatt li għandu qalbu tant taħarqu għalija.

Dawk arrestati ttellgħu il-Qorti iżda lil ħu Therese Comodini Cachia ħelsuħ mill-arrest u ma tellgħuħx. M’għandniex xi ngħidu,  jien ma nafx x’għamel ħażin jew x’ma għamilx ħażin dan il-bniedem. Li naf huwa li l-pulizija jidhrilha li m’għandha xejn b’xiex tixlieħ.

U allura rħejtilha għaddejja mingħajr ma kkummentajt. Il-pulizija għandu jkollha l-libertà li tkellem lil kull min jista’ jgħaddilha l-informazzjoni biex imbagħad tkun tista’ tmexxi bil-Qorti. Jekk xi ħadd jiġi arrestat b’mod legali għandhom jużaw l-għodda  legali kollha li jkunu jeħtieġu. U l-familjari tal-politiċi – kif ukoll il-politiċi innifishom – m’humiex eżentati.

M’għandniex xi ngħidu, meta l-pulizija ma jtellgħux persuna l-Qorti, il-każ jingħalaq sakemm ma jirriżulta xejn li jista’ jġiegħlhom jerġgħu jaħsbuha.

Iżda hija ħaġa verament inkredibbli u tal-waħx meta jkollok aħbar imxandra minn twitterer anonimu li jaħdem Kastilja u ripetuta minn Glenn Bedingfield meta kien għad hemm biss il-possibilità li jiġi mħarrek ħu membru parlamentari tal-PN u din l-aħbar irrepetiha wkoll il-kelliem prinċipali tal-gvern anki wara li l-persuna arrestata msemmija spiċċat intbagħtet lura d-dar.

Kurk Farrugia skandalizza ruħu bl-ipokersija tiegħi (u ta’ ħaddieħor) għaliex inqasna li nikkritikaw (jew li nibilgħu ħajja) lil Therese Comodini Cachia għaliex ħuha MA ĠIEX mixli b’involviment f’reat kriminali. Kurt Farrgia mhux talli jippretendi li jien għandi ninjora l-preżunzjoni tal-innoċenza (kif jagħmel hu), iżda jippretendi li għandi nippreżumi l-ħtija minħabba l-familjarità ma’ persuna li ma ġietx mixlija b’xi ksur tal-liġi.

Qed tara, Keith, kif qed taħdem is-saltna tad-dritt. Li kieku dan ir-raġel jiġi minn xi uffiċjal tal-gvern jew tal-PL u ma ġiex mixli kont tkun minn tal-ewwel li toħroġ tgħajjat bil-kollass tas-saltna tad-dritt. Li kieku kien jiġi minn xi uffiċjal tal-gvern jew tal-PL, kien jitqies bħala ħati. https://t.co/n0UJzciOt0

Dan ir-raġunar m’huwiex biss pervers u ċiniku, iżda hu wkoll illoġiku u kontra s-sens komun. Huwa wkoll kelma b’oħra, realtà giddieba u gidba manipulata biex tinstema’ ħelwa f’widnejn il-pubbliku appuntu għaliex hi mxandra minn kelliemi uffiċjali tal-gvern u mbagħad ripetuta mill-mezzi tax-xandir tal-partit u mit-trolls imħallsa.

Nitlobkom tifhmu sew. Ta’ Kastilja ttantaw li jimbarazzaw lil Therese Comodini Cachia meta għaddew informazzjoni lil ġurnal dwar l-arrest ta’ ħuha. U biex jagħtu lill-aħbar bixra ta’ verità għamlu pressjoni fuq il-mezzi tax-xandir indipendenti biex dawn jirrepetu l-istorja. Meta mbagħad irriżulta li din il-bixra ma setgħetx tingħata – jista’ jkun li diġà kienu jafu minn qabel b’dan – pinġew dak li ma ġarax bħala r-raġuni il-għala ma ġarax.

Għal Kurt Farrugia, ma saritx ħsara lil Therese Comodini Cachia mhux għaliex ħuha ma gie mixli b’ebda reat kriminali, iżda għaliex nies bħali ma gidbux u minflok qalu li fil-fatt kien qed jigdeb hu.

U din il-gidba ħoxna issa se titbella’ lill-imzazen bħallikieku hi l-verità.

Serqulna s-sewwa u r-realtà. U ninsabu f’dinja fejn Jason Micallef jinsab mehdi jmexxi ċ-ċerimonji marbutin mal-kultura nazzjonali tagħna u  fl-istess waqt iħarbex li s-sakranazzi li sikru bix-xorb f’Jum San Patrizju huma kuntenti li Daphne Caruana Galizia mietet.

Qegħdin litteralment igħadduha lixxa f’kollox.