Membri tal-Parlament Ewropew, li qed ikomplu jinvestigaw fuq il-korruzzjoni u s-saltna tad-dritt f’Malta, kitbu lil Mario Draghi tal-Bank Ċentrali Ewropew u talbuh jagħlaq il-Bank Pilatus u jirtiralu l-liċenzja.

Dan wara li l-gvern ma ħa l-ebda passi biex jagħlaq il-Pilatus minkejja l-fatt li l-uniku proprjetarju ta’ dan il-bank spiċċa miżmum f’ħabs federali Amerikan mixli b’sitt kapi ta’ akkuża marbutin ma’ frodi bankarju, ħasil ta’ flus u reati kriminali oħra.

Il-liġi ta’ Malta tagħti s-saħħa lir-regolatur li jirtira l-liċenzja ta’ bank. F’dak li għandu x’jaqsam ma’ banek żgħar li jipprovdu servizzi personalizzati din hija xi ħaġa li rarament isseħħ u tkun tfisser verament l-aħħar pass – dak li bl-Ingliż isejħulu ‘last resort’. L-impatt ta’ deċiżjoni bħal din fuq il-klijenti li jkollhom depożiti f’bank bħal dan ikun wieħed devastanti.

Madanakollu l-Bank Pilatus mhux bank li jaqa’ f’din il-kategorija u – bl-eċċezzjoni ta’ Keith Schembri u John Dalli – ma jidhirx li għandu ħafna klijenti lokali li għandhom kontijiet miegħu.

L-introduzzjoni ta’ ‘persuna kompetenti’ biex tieħu f’idejha l-amministrazzjoni tal-bank hija t-tieni soluzzjoni, u fi kwalunkwe każ jidher li din l-għażla għadha ma ġietx implimentata. Għadu mhux ċar jekk il-persuna kompetenti li ġiet magħżula biex tmexxi l-bank daħlitx f’postha jew le u ħaditx f’idejha t-tmexxija.

L-għeluq tal-bank probabbilment ikun segwit minn inkjesta li għandha titfa’ dawl fuq l-attivitajiet tal-bank fl-imgħoddi. Imma l-gvern jidher li għandu kull intenzjoni li jevita dan akkost ta’ kollox u jkompli jipproteġi l-interessi tal-madwar 100 klijent tal-Bank Pilatus u tas-sid tiegħu li issa jinsab il-ħabs.

Bla dubju ta’ xejn Joseph Muscat huwa konxju mija fil-mija li l-fatt li qed ikompli jipproteġi lill-Bank Pilatus anke f’dan l-istadju ma tantx jirrifletti tajjeb fuqu. Il-fatt li qed ikompli jagħmel dan b’ċerta saħħa jkompli jikkonferma mingħajr ebda dell ta’ dubju li l-episodju ta’ meta siefer lejn l-Italja għat-tieġ tas-sid tal-Pilatus kien jifforma parti minn relazzjoni mill-viċin ħafna mal-proprjetarju tal-bank.

It-tielet persuna involuta f’dan iċ-ċirku bejn tlieta huwa Christian Kalin, ħabib komuni ta’ Joseph Muscat u ta’ Ali Sadr, li mhux biss huwa s-sid ta’ Henley and Partners imma huwa wkoll dak li jmexxi din il-kumpanija.

Jekk għal mument kellna nemmnu dak li qal is-sid tal-kumpanija Legatum Christopher Chandler li sostna li fetaħ kont fil-Pilatus sempliċiment biex jiffaċilita l-kisba ta’ passaport Malti, allura jidher li l-Bank Pilatus u s-servizzi pprovduti minn Henley and Partners ġew reklamati bħal ħaġa waħda, naturalment faċilitati mill-atteġġjament servili tal-Gvern Malti.

Jidher għalhekk li l-Bank Pilatus kien fattur ewlieni fl-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u issa li l-Pilatus jinsab fl-inkwiet hu meħtieġ perjodu ta’ tranżizzjoni sakemm tinstab alternattiva. Jekk tiġi rtirata l-liċenzja tal-bank bħalissa, din it-tranżizzjoni tiġi interrotta.

 

Issegwi l-ittra li bagħtu l-Membri Parlamentari Ewropej lill-Bank Ċentrali Ewropew.