Bħal din il-ġimgħa ħdax-il xahar, ilkoll konna qed insegwu l-aħbarijiet li kienu ħerġin minuta wara l-oħra.

Daphne Caruana Galizia tirraporta li l-Egrant hi ta’ Michelle Muscat.  Michelle Muscat tiċħad. Joseph Muscat jgħid li m’hemm xejn x’jiġi investigat. Lawrence Cutajar jiekol il-fenek moqli. Ali Sadr joħroġ inkiss inkiss mill-bank bil-bagalji. Jekk irridu nemmnu lil Edward Zammit Lewis, li mid-dehra jaf, fil-baglji kien hemm biss ħwejjeġ. Ajruplan tal-Vistajet jitlaq mill-MIA lejn Baku.  Joseph Muscat jibdel fehemtu, isejjaħ lill-media u jiftaħ l-inkjesta dwar l-Egrant.  L-ajurplan jinżel Baku. L-ajruplan jitlaq minn Baku lejn Dubai.  L-ajruplan jinżel Dubai.  Il-pulizija jmorru f’Pilatus Bank.

Bla nifs.

Sebat ijiem wara Ivan Camilleri jippubblika storja f’The Sunday Times.  L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu kienet għadha kem tat lil Vistajet miljun Ewro biex tirreklama lil Malta fir-rivista tagħha li titqassam fit-titjiriet.  Il-Vistajet ma ġġorx turisti la lejn Malta u lejn imkien ieħor.  Hija kumpanija privata tal-kiri tal-ajruplani li ġġorr lill-plutokrati li għalihom il-biljetti First Class huma ‘l isfel sew mid-dinjità tagħhom.

Jekk jistmerru t-titjiriet bi sekda, ma nafx kif jaħsbuha fuq id-deck chairs għall-kiri fil-bajja tal-Mellieħa jew il-wirja taż-żwiemel f’Montekristo.

Qatt ma rajna fil-fatt jekk ir-reklami qattx ġew ipubblikati fir-rivista li titqassam fit-titjiriet.

Dan il-pagament ta’ miljun ewro sar minkejja r-reżistenza tal-maniġment ta’ livell għoli tal-Awtorità tat-Turiżmu li raw li l-baġit tagħhom kien qed jiġi ssagrifikat għal dik li kkunsidraw bħala ħela. Lanqas id-diretturi maħtura mill-gvern fl-MTA ma kienu fdati biex jirrieżaminaw dan il-pagament għax sar mingħajr ma kienu jafu.

Edward Zammit Lewis dak iż-żmien kien mistoqsi għaliex sar il-ħlas. “Kien hemm biss ħwejjeġ fil-bagalja.”