Donnu qabadhom ġenn. Iżda dan l-istat ta’ paniku m’għandux għax idum wisq. Jerġgħu isiru qishom m’humiex huma u jagħmlu tabirruħhom li din it-triq kienu diġà fassluha żmien qabel.
Joseph Muscat issa jridha ta’ mexxej ewlieni Ewropew wara li kien għamel żmien twil qisu in-Nigel Farage ta’ Malta.
Issa qed jittantaw iwaħħlu fil-PN għal dak li ġara’ fil-Pilatus Bank. Tiskantaw xejn jekk jirnexxielhom għaliex tal-PN ukoll għandhom biċċa tort. Ħdax il-xahar ilu fis-satra tal-lejl il-mezzi tax-xandir tal-PN qabdu lil Ali Sadr ħiereġ inkiss inkiss mill-bieb ta’ wara tal-Pilatus Bank b’bagalji kbar li Alla biss jaf x’kien fihom.
Imbagħad meta seba’ xhur ilu seħħet il-bidla fit-tmexxija, bdew jinxteħtu dubji fuq dak li kien inkixef dwar l-Egrant u l-Pilatus u kien hemm min stqarr li dak li nkixef ma kienx prova biżżejjed. Il-problema hi li l-bidla strateġika li seħħet fi ħdan il-PN spiċċat biex warrbet minn ħdanu salt armi li bihom seta’ jieqaf lill-gvern. Il-PN bħal donnu qata’ mnieħru biex jinki lil wiċċu u l-gvern qed jispiċċa jgħaddiha lixxa minkejja t-taħwid u n-nuqqasijiet kollha.
Iżda ‘l bieraħ tal-Labour ħadu ħasda nobis. Stajt ixxomm il-paniku li kienu jinsabu fiħ minn seba’ mili bogħod. Għall-ewwel, kien hemm silenzju taqtgħu b’sikkina. U Edward Scicluna, wara li kien għamel karriera twila qisu mekkuk jidher ripetutament fuq it-televiżjoni, f’daqqa waħda ma rajnieħx b’nemes. Kurt Farrugia mar jistaħba x’imkien u kien biss Glenn Bedingfield li irregalana b’salt ħmerijiet dwar kemm il-ġustizzja għandha titħalla’ taħdem bla tfixkil.
Xi ħlew hux tisma’ lill-kelliema tal-Labour jitkellmu fuq ġustizzja li għandha titħalla taħdem bla tfixkil! Malajr nesa’ Glenn Bedingfield li kien sidu stess li qabbad l-avukati biex jitolbu li tiġi revokata ordni li kienet għamlet il-Qorti biex il-pulizija tinvestiga l-Panama Papers.
Il-bieraħ lit-trolls tas-soltu tal-Labour jidher li ma tawhomx ordnijiet dwar x’għandhom jgħidu. Uħud minnhom kitbu li Therese Comodini Cachia ma rriżenjatx wara l-arrest ta’ ħuha b’rabta ma’ karrozza bomba li ma ħaditx. Ma kinux għadhom qalulhom li lil ħuha kienu ħelsuh mill-arrest għax ma kellhomx b’xiex jixluh. Il-bqija baqgħu mistoħbijin il-bieraħ. Kienu qishom partitarji tal-Juventus li jibgħu lura milli jiktbu fil-Facebook f’dik l-okkażjoni rari meta l-benjamini tagħhom jkunu tilfu xi logħba.
Il-bieraħ filgħaxija wieħed ukoll seta’ jinduna bil-konfużjoni li jinsabu fiha anke mill-mod li xkupaw il-fjuri u x-xemgħat minn taħt il-mafkar tal-Assedju l-Kbir. Lis-segwaċi tagħhom is-soltu jagħtuhom ordni biex “inaddfu” l-mafkar. U għal 8 darbiet dejjem hekk għamlu. Dalgħodu l-mafkar instab vandalizzat b’kollox ta’ taħt fuq. Dawk li wettqu dan il-vandaliżmu ma mxewx skond ordni ċara u wrew li kienu fgati f’demmhom.
Ta’ Kastilja issa qegħdin igħarblu r-riskji kollha għaliex, ħin bla waqt, qed jaraw li dawn leħqu livell ieħor.
M’għandniex xi ngħidu, ma hemm ebda garanzija li l-Istati Uniti saħansitra hi nteressata li ssir taf aktar dwar il-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat u ta’ sħabu u dwar x’jaf dwar dan Ali Sadr. Xogħolhom hu li jaraw li l-liġijiet tagħhom jiġu nfurzati u mħarsa.
Iżda mill-banda l-oħra, mhux ħaġa ta’ barra minn hawn li l-Istati Uniti għandha kull interess li ssir taf aktar dwar il-korruzzjoni ta’ Joseph Muscat u ta’ sħabu. Ejjew naraw x’jistgħu ikunu dawn r-raġunijiet.
L-ewwelnett: il-każ Buttardi – u l-ħlasijiet li jingħad li kienu saru bis-saħħa tal-Pilatus Bank – jindika li proprjetà li tinsab fl-Istati Uniti setgħet intużat biex jinħaslu flejjes ġejjin mill-korruzzjoni.
It-tieni: il-Pilatus Bank ħaddmet flejjes għar-reġim ta’ Aliyev u mhux ħaġa kbira li setgħet ikkonvertiet flus tal-Ażerbajġan ġejjin mit-tixħim f’dollari Amerikani li jistgħu jintefqu f’kull rokna tad-dinja.
It-tielet: kontijiet ta’ uffiċjali għolja tal-gvern miżuma fil-Pilatus Bank – nafu b’dawk ta’ Keith Schembri minn rapport midfun tal-FIAU li iżda ġie mxandar baxx baxx – ġew użati biex iħaffu l-għoti ta’ passaporti Maltin lil sinjuruni Russi. Jista’ jkun li dan qed iservi biex jiġu evażi s-sanzjonijiet Amerikani.
Ir-raba’: Il-Pilatus ippermettiet lil bniedem Iranjan li jiġi magħdud bħala ċittadin ta’ St Kitts jew ta’ Nevis biex ikun jista’ jopera baxx baxx madwar id-dinja u b’hekk jevita s-sanzjonijiet kontra l-Iran.
Il-klikka li hemm Kastilja bla dubju qegħda tittama li għall-Amerikani huwa biżżejjed li Ali Sadr issa jinsab f’idejhom u li għandhom biżżejjed provi biex jixluħ u biex jaqfluh f’ħabs għal għomru. Id-deċiżjoni li ħadet l-MFSA il-bieraħ li permezz tagħha l-bank tħalla jibqa’ jopera fl-assenza ta’ Ali Sadr hi bażata fuq l-argument l-Istati Uniti m’humiex jixlu lill-Pilatus Bank iżda liċ-Chairman tiegħu.
Iżda jeħtieġ li wieħed jifhem li Pilatus Bank mhix entità li hi “listed” f’xi Borża. Ali Sadr jippersonifika lill-Pilatus Bank u l-Pilatus Bank effettivament huwa Ali Sadr. U b’riħet din id-deċiżjoni, l-klikka tal-Panama qed tingħata żmien biżżejjed biex tiġbed flusha u tara fejn se tqiegħedhom.
U mbagħad meta jinġibdu l-flus kollha, l-Pilatus Bank titħalla tmut mewta naturali. Dan il-fatt jista’ jikkomplika l-ħajja għall-klikka tal-Panama iżda xorta tibqagħlhom it-tama li jkunu jistgħu jżommu fil-wiċċ. Iżda huwa fatt li l-kriminali ma jistriħux fuq it-tamiet. M’humiex lesti jigħabu l-imħatri. Lill-MFSA, lill-FIAU, lill-Pulizija u anke lill-Qorti tal-Appell kapaċi jikkontrollawhom. Għandhom ukoll element ta’ kontroll fuq il-Kummissjoni Ewropea u fuq l-aġenziji tagħha. Iżda ma jistgħu qatt jimmaġinaw l-Avukat Ġenerali Amerikan u l-FBI x’ikunu qegħdin iħejju. Lil dawn ma jistgħu qatt jikkontrollawhom u jafu li jistgħu jinġiebu daharhom mal-ħajt. U għalhekk issa nistgħu nistennew reazzjonijiet ħarxa minn naħa tagħhom u orġja ta’ twerżiq u għajjat li dalgħodu ħalliet dik il-ħerba taħt il-mafkar tal-Assedja l-Kbir.
Mhux għax qatt imxew bl-ingwanti tal-ħarir. Iżda biex ikomplu jittamaw li jibqgħu fil-wiċċ, jafu li jekk jiġihom iċ-ċans se jkunu hemm biex jeħduh. U biex jagħmlu dan ikollhom ta’ bilfors ifarrku kull oppożizzjoni.
Dawn l-aħħar ħames xhur kemm ilha li nqatlet Daphnwe Caruana Galizia kienu qishom gwerra bierda. Dalwaqt taqa’ l-maskra.