Il-mass meeting li se jorganizza l-Partit Laburista nhar it-Tlieta mistenni li jkun kbir ħafna, forsi wkoll wieħed mill-akbar meetings politiċi li qatt kien hawn. Il-folol qed jiġu mħeġġa u t-tensjoni tidher li qed tiżdied ma’ kull ġurnata li tgħaddi. Il-Partit Laburista irid jimmobilizza lin-nies permezz ta’ dan il-meeting biex jagħti wirja ta’ appoġġ mill-partitarji lill-kbir mexxej f’dan il-mument ta’ kriżi.
Dan ifakkarni ħafna fiż-żmien meta Afred Sant bħala prim ministru kien ġabar lin-nies fil-Birgu meta kien qed jiffaċċja kriżi u ried li jingħata l-wens mill-appoġġ tal-partitarji.
Iżda jidher li hemm aktar xebħ ma’ meta f’dik l-okkażjoni Alfred Sant tilef rasu f’dagħdiha ta’ rabja. Dakinhar filgħodu Alfred Sant fittex mhux biss li jkollu aċċess għat-televiżjoni iżda ried jinqeda’ bil-folla ta’ quddiemu biex jimmobilizzaha kontra dawk li fil-Partit Laburista kien bi ħsiebhom jisfidawh. Dom Mintoff, li dakinhar kien ġie mgħajjar traditur, kien fil-mira tiegħu. Kien jaf li ma’ Mintoff kien kisirha għal dejjem u ried li ma jkun hemm ħadd li jsegwi lill-Perit.
L-eluf li se jinġabru nhar it-Tlieta biex iwerżqu isem Joseph Muscat m’humiex se jintużaw bħala twissija lin-Nazzjonalisti, lill-ġurnalisti, lill-għejjun, lill-attivisti tas-soċjetà ċivili jew il-familja Caruana Galizia. Se jintużaw biex iwerwru lil dawk fil-membri tal-Partit Laburista li, għax bħalissa għandhom il-kuxjenza tagħhom tniggiżhom, jistgħu ikunu mħajrin li jagħmelu dak li hu sewwa u jisfidawh.
Dawk l-eluf li se jgħajjtu ‘Joseph, Joseph’ huma l-klieb tal-ġlied politiċi li se jintużaw minn Joseph Muscat biex jhedded lil dawk il-membri tal-Partit Laburista li għalihom min jidħol għall-ħajja pubblika huwa fid-dmir li jara li l-gvernijiet ma jkunux magħmulin minn persuni li għalihom buthom jiġi l-ewwel u qabel kollox.
Nhar it-Tlieta min ifettillu jażżarda jipprotesta jew juri d-dispjaċir tiegħu għall-gideb u l-ingann ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri kif ukoll għall-kenn politiku li dawn qed jingħataw minn Joseph Muscat se jkollhom jisktu minħabba l-biża’.
Bħalma se jkollhom jisktu dawk li m’humiex kuntenti bil-ħbiberiji u t-tbaħrid ta’ Chris Cardona u, bla dubju, bil-kenn politiku li dan qed jingħata minn Joseph Muscat.
Nhar it-Tlieta it-taqtiegħa interna għar-ruħ tal-Partit Laburista se toħroġ fil-beraħ u kulħadd se jara b’għajnejh li l-Partit jinsab totalment dominat minn Joseph Muscat u dan biex ħadd ma jażżarda jmeri jew jisfida.
Nhar it-Tlieta se jwassal il-messaġġ li hu biss jikkmanda. U se jkollu aktar suċċess milli kellu Alfred Sant f’dik l-għodwa fil-Birgu.