Il-Washington Post. Ieqaf biex taħseb ftit. Mhux In-Nazzjon. Mhux it-Times of Malta. Lanqas Daphne Caruana Galizia nnifisha. Il-Washington Post tgħid li Malta qed tikteb l-istorja ta’ dan is-seklu dwar kif tista’ tfalli d-demokrazija. M’għandniex xi ngħidu, bil-kelma “Malta” jridu jfissru l-gvern tagħha. U l-gvern tagħha jfisser Joseph Muscat.

Illum Muscat kellem lill-partitarji u appella lill-massa biex tagħtih l-appoġġ tagħha.

Ftit jiem ilu xi ħadd kiteb poster online li jsejjaħ lill-partitarji Laburisti biex jattendu bi ħġarhom għall-festi tal-1 ta’ Mejju u biex jagħtu l-appoġġ tagħhom lil Joseph u sabiex igħallqu – għalissa b’mod metaforiku – lill-aħwa Caruana Galizia.

Jien ktibt din il-post u ġejt sfidat mill-ottimisti forensiċi tas-soltu biex inġib prova waħda li din il-poster fil-fatt kien ġenwin. Dawn qalu li din bilfors inkitbet minn xi ħadd anonimu għax min kitibha kellu ħafna żbalji tal-kalligrafija. Jien ngħid li min kitbu ma kien anonimu xejn.

L-iżbalji kalligrafiċi ma jindikawx li l-poster inkiteb minn xi ħadd anonimu. Anzi, indikaw waħda minn żewġ affarijiet: jew inkiteb b’mod biex tingħata l-impressjoni li nkiteb minn xi ħadd anonimu. Jew inkella – u dan huwa aktar probabbli – inkiteb minn xi ħadd li bilkemm jaf jikteb.

Iżda kiteb min kiteb il-poster, Joseph Muscat issa kkonferma kollox. Jien qatt ma kelli dubju. Dalgħodu daqq il-qniepen huwa stess.

U nhar l-Ewwel ta’ Mejju se jkollu l-eluf igħajjtu ismu. Se jwerżqu dwar kemm hu kbir il-mexxej tagħhom. Se jagħmlu dan b’leħen għoli u b’ilsien barrani.

Iżda l-appoġġ tan-nies tiegħu mhux se jkun biżżejjed għalih. Bħal meta ħareġ il-poster bil-għan li jara fejn qed jonfoħ ir-riħ, issa ħareġ it-theddida kontra l-kritiċi tiegħu li ser ikun hemm il-“konsegwenzi”.

Tkellem dwar dawk li qed jipprotestaw kontra tiegħu. Dwar dawk li qed jiktbu dwaru u dwar dawk li qed jikkritikawh.

U mbagħad tkellem dwar il-ġurnalisti minn madwar id-dinja li kellhom l-ardir ikomplu fejn ħalliet Daphne Caruana Galizia, persuna li nqatlet għall-konvenjenza tiegħu.

Għal Muscat, dawn għad iridu jpattu għal għemilhom.

Wissa’ li dawk ta’ The Daphne Project għandhom jingħataw risposta mill-folol li se jinġabru fl-ewwel ta’ Mejju. Qalilna li se jkun hemm il-“konsegwenzi”.

U hekk kif ħassew ir-riħ jonfoħ fil-qala, it-trolls tal-Labour, li f’dawn l-aħħar jiem kemm ilhom li bdew jixxandru l-istejjer ta’ The Daphne Project daħlu f’qoxrithom, issa ħarġu mit-toqba.

Qabdu wkoll ma’ wħud mill-attivisti tas-soċjeta ċivili, xandru r-ritratti tagħhom kif ukoll l-indirizzi ta’ fejn joqgħodu l-ġenituri tagħhom u wliedhom.

Dawk li tqiegħdu fil-mira fil-biċċa l-kbira kienu nisa u saru bl-intenzjoni li jipprovokaw ir-rabja u li jistiednu l-vjolenza.

In-nisa, ġurnalisti u b’mod partikolari l-ġurnalisti nisa, huma mwissija li jistgħu jgħaddu minn dak li għaddiet minnu Daphne Caruana Galizia.

U nafu eżatt minn xiex għaddiet.

Ir-rapporti li xxandru din il-ġimgħa minn The Daphne Project kien fihom provi ġodda dwar korruzzjoni, provi ġodda dwar l-indifferenza minn naħa tal-Pulizija u dwar indħil politiku u provi ġodda dwar falliment istituzzjonali.

Iżda l-iktar ħaġa sinjifikanti kienet li dawn ir-rapporti qajjmu sensiela ta’ mistoqsijiet li gvern qed jirrifjuta li jwieġeb. Fi ftit kliem, il-mistoqsija ewlenija issa hi: ‘l-Istat Malti kien jaf li ħajjet Daphne Caruana Galizia kien fil-periklu u minkejja dan m’għamel xejn biex isalvalha ħajjitha?’ M’għandniex xi ngħidu, jekk it-tweġiba għal din il-mistoqsija hi ‘iva’, il-mistoqsija li jkun imiss hi: ‘Int kont kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia?’

U jekk il-gvern mhux kapaċi jwieġeb għal din il-mistoqsija, mhux ta’ b’xejn li qed ihedded u jwissi biex ħadd ma jażżarda jagħmel mistoqsijiet bħal dawn.

Sur Prim Ministru, l-folol irrabjati tiegħek se iġiegħlu lil kull min hu ta’ rieda tajba biex jinġabar f’daru. In-negozji se jżommu ‘l bogħod kemm jista’ jkun milli jagħmlu xi ħaġa li tista’ tinftiehem ħażin minnek.  U ser ikun hemm min ser jiskot minħabba l-biża’.

Iżda sinċerament taħseb, Sur Prim Ministru, li The New York Times, Le Monde, Die Ziet, La Repubblica u l-oħrajn kollha se jimpressjonaw ruħħom bil-folol igħajjtu ismek?

Dawn ilkoll raw xeni ħafna agħar fi Pjazza Kim Il Sung ta’ Pyongyang. U se jkun hemm bil-bosta aktar nies fil-Pjazza l-Ħamra ta’ Moska fl-Ewwel ta’ Mejju.

Dan m’hu se jagħmel ebda effett.

Bla dubju, se jkun hemm it-theddid min naħa tiegħek. U anke li kieku ninsabu waħedna, dan it-theddid ser ikollna niffaċċjawh. Daphne Caruana Galizia iffaċċjat it-theddid weħidha. Issa flokha hemm ħafna oħrajn.

U, Sur Prim Ministru, ara ma tmurx taħsub li se nibżgħu mill-fanatiċi tiegħek.