Din hi traduzzjoni ta’ messaġġ ta’ Maria Efimova li nstama’ waqt il-Manifestazzjoni għall-Ġustizzja u l-Verità l-bieraħ fil-Belt Valletta:

Għeżież #occupyjustice, Awturi u intom ilkoll li ngħaqadtu magħhom illum,

Huwa ta unur kbir għalija li nindirizzakom. Sinċerament kienet tkun ix-xewqa tiegħi li nkun fostkom. Nammira ħafna l-kuraġġ u l-perseveranza tagħkom intom u taqbżu biex tiddefendu lil pajjiżkom, lil ħutkom Maltin u lill-valuri demokratiċi li tant huma għal qalbkom.

Mill-ewwel ġranet li għext f’Malta, nista’ ngħid li ssaħħart b’pajjiżkom. Issaħħart bl-eleganza tal-Belt Valletta, bil-vivaċità f’Tas-Sliema, bis-seħer tal-Imdina u bil-ġmiel naturali ta’ Għajn Tuffieħa. Iżda aktar minn hekk, gawdejt mill-ħbiberija tal-Maltin: nies bi tbissima fuq fommhom, dħulin, ġenerużi u dejjem lesti biex igħinuk. Nemmen li l-Maltin kollha huma magħmulin hekk, anki dawk li qegħdin jagħtu l-appoġġ għal dak li m’huwiex sewwa. Jien ngħid li x-xewqa tagħhom hi biss li jħossu li huma ħaġa waħda ma’ ġemgħa b’saħħitha. Nemmen li, bis-saħħa tal-eżempju tagħkom, tistgħu turuhom li l-ogħla valur m’huwiex li tkun ħaġa waħda ma’ xi partit, iżda li tkun parti minn nazzjon kredibbli u li wieħed fuq kollox għandu jkun kburi li jgħix f’komunità u mhux biss bil-ġid materjali.

Kont iddeċidejt li nitkellem dwar dak kollu li kien qed iseħħ fil-Pilatus Bank għax kien jeħtieġ li jkun hemm xi ħadd li jieħu azzjoni. Mhix xi ħaġa li tiġri f’Malta biss li l-għonja, biex jaraw li tgħaddi tagħhom, ifittxu l-għajnuna ta’ persuni korrotti. Iżda nista’ ngħid li f’Malta sibt persuni li huma lesti li jiġġieldu għal dak li hu sewwa u għall-ġustizzja, b’saħħtu kemm ikun b’saħħtu l-avversarju.

Dan hu dak li sibt f’Daphne Caruana Galizia: mara kuraġġjuża li kienet qiegħda tikxef il-verità u tfittex il-ġustizzja. U dan hu eżatt dak li hawn illum. Persuni kuraġġjużi li mhux qed jistennew il-“grazzi” jew xi ħlas għal dak li qed jaħdmu għalih: għalihom il-“ħlas” ikun li jgħixu f’pajjiż li tant iħobbu u li jħalluh li stat aħjar għat-tgawdija ta’ uliedhom … ġejjieni aħjar mill-imgħoddi tagħhom. Nappella lil dawk li għadhom ma sabux il-kuraġġ li jitkellmu. Jafu x’inhi l-verità iżda qed jibżgħu li jgħiduha. Ħadd minnhom ma jixtieq li kliemhom jixxandar minn fuq palk bħal dan. Ħadd minnhom ma fittex il-popolarità jew in-notorjetà. Ħadd minnhom ma jrid iduq il-ħabs, bħalma doqtu jien, waqt li kont qed nistenna mill-qorti li ningħata d-dritt bażiku li ngawdi lil uliedi fil-paċi minkejja l-fatt li ma jkunu għamlu xejn ħażin.

Forsi jien kont xi ftit inqas ixxurtjata. Iżda meta dħalt il-qorti biex nixhed dwar dak li kont naf, kont iddeċidejt li nieħu riskju. Nifhem li mhux kulħadd huwa kapaċi li jagħmel dan. Iżda naf li kulħadd jista’ jagħmel dak li jiena kont bdejt: kellem lil ġurnalist li tista’ tafda, li jipproteġik u li ma jikxfekx ma’ dawk li jkunu jridu jsikktuk. F’Malta hemm bosta ġurnalisti onesti bħal ma kienet Daphne Caruana Galizia. U hemm ukoll bosta ġurnalisti onesti li qegħdin jaħdmu f’The Daphne Project. Sirt naf uħud minnhom. Dawn ipproteġewni u għenuni biex niġġieled il-ġlieda għas-sewwa. Il-verità u l-ġustizzja imorru id f’id. U l-verità ma tistax titla’ fil-wiċċ mingħajr whistleblowers u ġurnalisti li jaħdmu biex din tinkixef. Nappella lil dawk li għandhom informazzjoni biex jaħdmu id f’id mal-ġurnalisti.

Is-sewwa jirbaħ. It-tama u l-fidi li għandi huma kbar.