Issa għaddew aktar minn 12-il siegħa mit-tnedija ta’ The Daphne Project. Organizzazzjonijiet ewlenin tal-aħbarijiet minn madwar id-dinja qed jiffokaw fuq Malta u qed jispjegaw storja mill-aktar kumplessa dwar il-qtil ta’ mara u dwar ħakma fuq pajjiż sħiħ.

Id-dinja ilha tistenna’ 6 xhur sħaħ biex l-awtoritajiet Maltin ilaħħmu kliem il-prim ministru li se jsir dak kollu li hemm bżonn biex jinqabad min qatel lil Daphne Caruana Galizia. Iżda l-verità hi li mhux veru li sar dak kollu li jeħtieġ u allura dawn ma jistgħux jitwemmnu.

U tul dawk is-6 xhur isem Chris Cardona baqa’ fuq fomm kulħadd.

Dakinhar li mietet Daphne, il-Parlament iltaqa’ u kien hemm uħud li għamlu diskorsi mill-aktar solenni. Xi membri parlamentari qaluli li wiċċ Chris Cardona kien abjad karti u persuntu dehret qisha bla saħħa.

Dan mhux għeluq il-għaqal. Din kienet l-impressjoni li ttieħdet fil-ħin propizju.

Ma jfissirx li dakinhar kien jew illum hu ħati li wettaq xi ħaġa illegali.

Iżda hekk kif beda’ jixtered minn taħt l-ilsien ħafna diskors dwar konversazzjonijiet li kellu ma’ wieħed mill-mixlija u hekk kif, minn investigazzjonijiet li saru, xirfu fil-wiċċ ir-rabtiet bejn il-qattiela u persuna oħra li Chris Cardona jaf sew, qed jidher li l-eżistenza ta’ din ir-rabta fil-fatt hi possibbli.

Iżda wieħed m’għandux jasal għal konklużjonijiet minn dak li jgħidu n-nies minn taħt l-ilsien dwar ħtija fuq każ ta’ qtil. Il-ħtija jew in-nuqqas tagħha lanqas ma tiġi stabilita minn investigazzjonijiet ġurnalistiċi.

L-istejjer imxandra ‘l bieraħ ma kkonkludewx li Chris Cardona kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda waslu għall-konklużjoni li jista’ jkun li kellu xi sehem u li l-pulizija jidher li ma għamlet xejn – xejn affattu – biex jaraw għandhomx jinvestigawħ jew le.

Mill-istejjer li xxandru ‘l bieraħ jirriżulta wkoll li l-istess konversazzjonijiet li ilhom jingħadu minn avukati u minn politiċi tal-oppożizzjoni, ingħadu ukoll f’Kastilja. Konversazzjonijiet li ilhom għaddejjin xhur sħaħ fis-sens li dak li kulħadd stenna u li kien qed jitkellem dwaru issa seħħ.

U minkejja dan kollu il-Pulizija baqgħet ma bgħatitx għal Chris Cardona.

Ta’ The Daphne Project tkellmu ma żewġ xhieda separatament li t-tnejn raw lil Chris Cardona jkellem lil wieħed mill-mixlija, kemm qabel, kif ukoll wara li twettaq il-qtil. Din l-informazzjoni kienet biżżejjed biex tiġi mxandra.

Talbu lil Chris Cardona biex jikkummenta u hekk għamel. F’ħin minnhom qal: “Ma niftakarx sew kontx tkellimt ma’ xi wieħed minn dawn l-individwi, iżda żgur li qatt ma kelli laqgħat magħhom”.

B’din it-tweġiba forsi qed jirreferi għall-mistoqsija dwar jekk kellux diskussjonijiet ma’ wieħed mill-qattiela fiż-żmien meta twettaq id-delitt. Iżda hi kategorika biżżejjed biex wieħed jifhem li huwa qatt ma tkellem mal-qattiela.

Din mhix il-verità. Vince Muscat, wieħed mit-tliet mixlija, kien tkellem ma’ Chris Cardona wara li kien ġie arrestat hu u jiġi mdewwi għall-ġrieħi li sofra fis-serqa tal-HSBC f’Ġunju 2010.

Apparti l-konklużjonijiet li wieħed jista’ jew ma jistax jiġbed minn dawn il-konversazzjonijiet, jekk dawn qatt saru, hemm ċerti konklużjonijiet li huma ġustifikati:

L-ewwelnett, għal diversi xhur il-Ministru tal-Ekonomija għex taħt id-dell ta’ suspetti li seta’ kellu x’jaqsam ma’ qtil. Bħalissa l-ħtija tiegħu jew in-nuqqas tagħha mhix importanti daqs kemm hu importanti l-fatt li l-ekonomija tal-pajjiż tinsab f’idejn persuna li qed jissielet biex iħares ir-reputazzjoni tiegħu. Minn kollox għamel tul dawn l-aħħar 6 xhur biex jinjora din il-problema.

Iżda issa ismu qed jixxandar mal-erbat irjieħ minn postijiet bħal Buenos Aires sa Tokjo. U sakemm jitnaddaf ismu, ħadd mhu se jeħodlu b’idu jew jibda’ jaħseb biex jinvesti f’Malta. Jew inkella jeħdulu b’idu xorta waħda u minn wara dahru jimsħuhom mid-demm immaġinarju.

Il-pożizzjoni tiegħu m’għadhiex tenibbli. Għandu jdabbar rasu sakemm ismu jitnaddaf, dejjem jekk huwa possibbli dan it-tindif.

It-tieninett, fit-tmexxija tal-Partit Laburista hemm persuna li oġġettivament għandu jitqies bħala bniedem suspettat bi qtil. Jasal żmien fejn anke l-aktar partit politiku magħqud ikollu jneħħi s-solidarjetà ma’ wieħed ta’ ġewwa. Partit politiku jista’ jagħżel li jilqa’ għad-daqqiet u jiddefendi l-inkompetenza ta’ membru prominenti tiegħu. Jekk irid, jista’ wkoll jiddeċiedi li jagħlaq għajn waħda għall-korruzzjoni. Iżda li tgħatti xtur lil min hu suspettat bi qtil sakemm ikun hemm kundanna u mbagħad naslu sal-punt li anke The New York Times qed tikteb dwarha, effettivament ifisser li tkun qed tagħti kenn lil min ikun qed jipprova jaħrab minn xilja.

Chris Cardona għandu jiġi mġiegħel jirriżenja jew imkella jmissu jitkeċċa mill-Whip tal-grupp parlamentari tal-Partit Laburista sakemm inaddaf ismu, dejjem hekk ikun possibbli dan it-tindif.

It-tielet u l-aktar punt importanti, issa huwa ċar li l-investigazzjonijiet dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huma mxekkla mill-interessi politiċi dojoq ta’ Joseph Muscat. Minħabba s-suspett ċar li seta’ kien hemm motivazzjoni politika wara l-qtil, il-politiċi għandhom jinżammu ‘l bogħod kemm jista’ jkun mill-investigazzjonijiet.

La Repubblica irrappurtat li s-servizzi sigrieti Maltin kienu jafu minn qabel b’dak li kien qed jagħmel wieħed mill-qattiela. U teżisti l-possibilità li seta’ kien hemm xi ħadd li kellu l-mezzi biex jara li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia ma jseħħx iżda baqa’ m’għamel xejn u ħalliha tmut il-mewta li spiċċat mietet.      

Għalhekk kien min kien dak li qabbad lill-qattiela – kienx Chris Cardona jew le għadna ma nafux – min apposta m’għamel xejn u żamm sieket huwa kompliċi għax bis-saħħa tas-skiet tiegħu seta’ jitwettaq id-delitt.

Ir-riżenja ta’ Chris Cardona mhix se sserħilna rasna li l-investigazzjonijiet ma jkunux mittiefsa mill-interessi politiċi tal-ħallelin li bħalissa jinsabu fit-tmun tal-pajjiż.

Inkunu biss nistgħu nserrħu rasna u ras id-dinja li Malta kapaċi tara li ssir il-ġustizzja mal-poplu tagħha jekk jitneħħa l-prim ministru, l-kummissarju tal-pulizija u l-investigatur ewlieni Silvio Valletta.

Il-konklużjonijiet tal-istejjer li xxandru ‘l bierah minn The Daphne Project m’humiex konklużjonijiet forensiċi. U nittama li ma jkun hemm ħadd li jiħi biex jistaqsini hemmx aktar x’jinkixef għax b’dak li nkixef s’issa bqajna ma nafux min qatilha.

Dan huwa appuntu dak li Malta naqset li tifhem f’xogħol Daphne. L-istampa għamlet xogħolha u xandret il-fatti. Issa jmiss lill-pulizija li tagħmel xogħolha. U aħna għandna wkoll nagħmlu xogħolna u nibqgħu ninsistu li l-prim ministru jdabbar rasu.