Bosta kienu dawk li bgħatuli din l-iscreenshot li qed tidher hawn isfel.
Tant tqażżist naqraha li kont qed naħsibha għandix inxandarha. Xi drabi hemm min jistenna’ li, meta persuna oħra li magħha politikament ma jkunx jaqbel timbarazza ruħħa bl-imġieba tagħha, din l-imġieba ħażina għandha wkoll toqgħod tperriċha biex mingħaliha jkun hemm min jiggustaha.
Issewwed qalbek tara ċerti nies iġibu ruħħom b’dan il-mod tant stupidu. Iżda mbagħad dlonk infakkar lili nnifsi li hawn mhux qed nikteb biex nissodisfa xi istint. Jekk dawn l-affarijiet tant koroħ ma nesponux ruħna għalihom, m’hemmx tama ta’ fejqan. U l-fejqan ma jidhirx li se jseħħ dalwaqt.
Jekk għadkom ma kontux rajtu dan qabel illum, agħtu daqqa t’għajn lejn din.
It-tgħajjir huwa insolenti u l-kummenti li hemm taħt huma tal-waħx. “Nista’ nibgħatu jieħdu g*** il-mummy please?” “Tista’ ta imma ma nafx fejn ħa jieħdu ta għax mhemx xejn ħlief irmied”.
Ma kienx faċli għalija li nirrepeti dan il-kliem faħxi. Mhux biss għax il-kliem huwa miktub b’kattiverja liema bħalha biex iweġġa’ s-sentiment. Iżda wkoll għaliex huwa inuman u tista’ tipparagunah mal-propaganda tan-Nażisti. Il-kliem li nkiteb huwa wkoll sadistiku u hu mmirat lejn dawk il-qarrejja li bħall-kittieba għandhom f’moħħom fissazzjonijiet sesswali perversi.
Il-kliem li nkiteb huwa wkoll dewwqa bikrija tal-“konsegwenzi” li semma’ Joseph Muscat il-bieraħ fid-diskors tiegħu u l-fanatiżmu mistenni li jiżdied fid-doża sa dakinhar tal-meeting tal-Ewwel ta’ Mejju.
Charmaine Vella m’hix troll tipika minn fost dawk li ma jiqfux jixgħlu x-xemgħat lil Joseph. Hi impjegata tal-Partit Laburista. U hawn fir-ritratt tidher fl-uffiċċji tas-Super 1 fejn taħdem u fejn qalet issib il-kenn tagħha.
Dan m’hu xejn ħlief trolling bit-tberika tal-istat.
U hawnhekk hawn oħra.
Sandro Kitcher jaħdem mal-kumitat organizzattiv ta’ Valletta 2018 Capital of Culture. Dan tella’ r-ritratt ta’ waħda mill-protestanti li kellha l-“ardir” tgħid lil Joseph Muscat li jmissu jistħi talli ġab din il-mistħija kollha fuq pajjiżna. Din ipprotestat bħalma għamlu oħrajn. Kien hemm ukoll min tella’ posts bid-dettalji tal-indirizz tagħha intiża biex ixewxu lin-nies biex iwettqu atti ta’ vjolenza fuqha.
U mbagħad kollega tiegħu fil-V18 Mario Azzopardi, għal ġieħna “direttur artistiku”, ikkummenta wkoll u għajjar mara “kelba” talli din ipprotestat.
Dawn it-tnejn segwew lil-sidhom Jason Micallef — dak li 72 Membri irrabjati tal-Parlament Ewropew talbu t-tkeċċija tiegħu — li qed idoqq it-trombi biex jimmobilizza l-folol għall-meeting tal-Ewwel ta’ Mejju.
Dawn m’humiex it-trolls tas-soltu. Dawn huma uffiċjali, impjegati u bażużli tal-Partit Laburista. Dawn huma nies li għandhom x’jitilfu għax interess finanzjarju dirett biex jiżguraw li r-reġim ta’ Joseph Muscat jibqa’ jsaltan. Dawk li qed jipprotestaw m’għandhom ebda interess f’dan is-sens, iżda qegħdin jirriskjaw ħafna: il-karrieri tagħhom, l-impjiegi tagħhom, il-familja tagħhom – u, mid-dehra, anki ħajjithom — għall-imħabba li għandhom għal pajjiżhom u, minn fuq, qed jiġu mgħajjra tradituri.
Araw naqra min jażżarda jipprotesta x’għandu lest għalih.
Hemm bosta raġunijet għalfejn wieħed għandu jibża. Daqs kemm hemm ukoll bosta raġunijiet għaliex qorti Griega irrifjutat talba ta’ Malta biex tiġi estradita Maria Efimova minħabba l-fatt li Malta ma setgħetx tiggarantixxi s-sigurtà tagħha.
Għal ebda raġuni m’għandna nieqfu hawn. Il-mibgħeda għanda tiġi ffaċċjata bid-dinjtà. Il-fanatiżmu u r-rabja għandhom jiġu ffaċċjati bir-raġuni u bil-mogħdrija. Mhix ħaġa faċli iżda hekk jeħtieġ li jsir.