Din il-website ma kinetx qed taħdem għal kważi 15-il siegħa wara dak li jissejjaħ DDoS attack, att ta’ sabutaġġ. Skont ma qaluli l-inġiniera ta’ din il-website, l-attakk kien sforz kbir mhux ħażin, sforz bla ħniena, wieħed ippjanat sew u ffukat biex lil din il-website iżommha ma taħdimx kemm jista’ jkun fit-tul.
Mhux kumbinazzjoni li min ried iwaqqa’ l-website għażel is-16 tax-xahar biex jagħmel hekk.
Għal xi wħud, is-16 tax-xahar sar okkażjoni li ma taħarbilhomx malajr. Jagħżlu s-16 biex jiċċelebraw għeluq il-ħalq ta’ min jazzarda jsemma’ leħnu. Hija data simbolika: simbolu tal-poter tal-Istat li jagħmlu parti minnu u li jigglorifikawh.
Jibdew iħejju għas-16 b’serje ta’ “kampanji pożittivi” dwar il-politika li jgħidu li huma tant kburin biha. Imbagħad jgħaddu għal pass ieħor: jiċċensuraw lil min ma jaqbilx magħhom, ineħħu l-istrixxuni bi kliem ta’ protesta. Ineħħuhom mal-lejl… lanqas jilħaq jisbaħ.
Ilbieraħ kellhom fil-mira din il-website. Attakk li għadu sejjer jien u nikteb. Kontra qalbi ma nistax inwiegħed esperjenza stabbli għal dawk li jżuru din il-website qabel ma jirnexxilna nibnu fortifikazzjonijiet aktar b’saħħithom biex jiddefenduha aħjar. Imma t-team qed jagħti l-aħjar tiegħu.
Dan ifakkarna kemm il-libertà tal-kelma għadha vulnerabbli f’pajjiżna. Juri x’riżorsi għandhom dawk li huma kontra l-libertà tal-kelma u x’inhuma lesti jużaw biex joħonquha. Inżommu f’moħħna li min għamel din il-biċċa xogħol ma kellux f’moħħu biss li jikseb effett simboliku billi jwaqqa’ website li ma togħġbux. Imma assuma wkoll li se jinħarġu ħafna flus biex nibnu protezzjoni aktar f’saħħitha bit-tama li mal-attakk li jmiss ma jiġrix l-istess. B’dak il-mod, żied mal-pressjoni u għamilha aktar għalja u aktar diffiċli biex inkomplu ngħidu dak li ma jridx jisma’.
Dan l-attakk kien il-verżjoni bl-internet ta’ dak li ilhom jagħmlu lill-istrixxuni u lill-billboards kull meta jneħħuhom appena jitwaħħlu: qegħdin jagħmluha aktar għalja biex dak li jkun jikkritika lill-Gvern fil-beraħ.
Niftiehmu, qatt ma għedna li se tkun faċli.
Għalissa, jekk qed taqra, merħba lura fil-website.