Ma naqbilx ma’ min igħid li dan kollu għax Martin Scicluna inzerta li huwa anzjan, allura għandna nagħlqu għajn waħda u niskużaw xi ftit il-ħsibijiet li jmexxu kitbietu. Jidhrili li ġaladarba l-ipokresiji tiegħu jiktibhom, jitħoqqlu li jiġi mwieġeb. Mhuwiex rilevanti l-fatt li kien hemm żmien fl-imgħoddi meta kien isejjes argument fuq ħsibijiet loġiċi u meta kien ifittex li jkun bilanċjat fil-kritika tiegħu u li issa l-oġġettività taritlu mar-riħ. Il-fatt li Martin Scicluna huwa biss verżjoni sofistikata ta’ Glen Bedingfield u ta’ Josef Caruana m’għandux jeżentaħ mill-kritika għall-ħmerijiet li jogħġbu jikteb.

Igħid il-ħmerijiet meta jpinġi lil David Casa, lil Roberta Metsola u lil Francis Zammit Dimech bħala persuni li huma mogħnijin b’poteri eċċezzjonali ta’ persważjoni, jekk mhux b’sens ta’ ġustizzja u bilanċ politiku. Skont Martin Scicluna, l-gideb li dawn qed ilissnu jaħti għall-ħsara li qed issir lir-reputazzjoni ta’ Malta f’għajnejn id-dinja.

Iżda Martin Scicluna ma jgħidilniex dawn il-gideb f’hiex jikkonsistu. Tkun ħaġa wisq faċli hux hekk, Sur Scicluna. Ittiħidt u qed tirraġuna bħas-Super 1.

Trid tgħidilna għal liema gideb qiegħed tirreferi meta tixli lill-MEPs tal-PN.

Forsi qed tirreferi għall-gidba li ġurnalista ġiet assassinata? Jew għall-gidba li Malta qiegħda tbiegħ iċ-ċittadinanza lil kull min għandu minn fejn iħallas? Jew forsi qed tirreferi għall-gidba li bank f’Malta kien ġie liċenzjat lil frodista mill-Iran li kien jieħu ħsieb kontijiet bankarji personali ta’ dittaturi mill-Ażerbajġan u mill-Angola? Gidba li ċ-chief of staff tal-prim ministru u l-ministru l-favorit inqabdu bi strutturi bankarji barra minn Malta maħluqa apposta biex f’bwiethom igħaddu mill-inqas 150,000 dollaru kull xahar? Gidba li ministru ssekwestra l-kontijiet bankarji ta’ ġurnalista f’attentat biex jiċċensura storja li kienet xandret dwar il-mawra tiegħu f’burdell waqt li kien fuq xogħol? Gidba li seba’ xhur wara l-assassinju tagħha, l-investigazzjonijiet dwar min seta’ qabbad lill-qattiela jinsabu mwaħħlin?

Martin Scicluna imbagħad imaqdar lill-membri tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew talli dawn waslu għal konklużjoni politika u mhux waħda ġudizzjarja. Dan ġiegħlu jiskanta? M’humiex biss il-qrati li għandhom is-saħħa li jaqtgħu sentenza dwar responsabbiltà ġudizzjarja? U l-fatt li, biex wieħed jasal għal konklużjoni dwar responsabbiltà politika ikun jeħtieġ livell inqas ta’ provi minn dak li huwa meħtieġ fil-qrati, m’huwiex ukoll ġej mill-fatt li l-politiċi suppost għandhom ikollhom l-ogħla livell ta’ mġieba? Martin Scicluna m’għadux jemmen li politiku għandu jkollu l-ogħla livell ta’ mġieba?

Martin Scicluna mbagħad jagħmel tiegħu l-argument ta’ Kastilja dwar il-famuż laptop. Skont hu, il-laptop li kienet tuża Daphne Caruana Galizia meta kienet għadha ħajja huwa “prova vitali” li jista’ iwassal biex jinkixef dak li qabbad lill-qattiela. Kif wasal għal din il-konklużjoni Martin Scicluna? Jew aħjar, x’iġiegħelu jaħseb li dan jista’ jkun rilevanti? Daphne Caruana Galizia kienet ixxandar l-artikli tagħha kuljum. Kienet ixxandar it-theddid li kienet tirċievi u kienet tirrapporta estensivament dwar dawk li kienu s-suġġett tal-kritika tagħha. Jaf Martin Scicluna li l-Pulizija lanqas biss kellmet lil dawn in-nies li ovvjament setgħu kienu motivati li jfittxu jarawha eliminata, bl-eċċezzjoni ta’ Chris Cardona li minn jeddu mar ikellimhom meta xxandret l-istorja dwar il-laqgħa li kellu mal-assassini qabel il-qtil? Allura għaliex kiteb li l-laptop se jagħmel xi differenza?

Bid-diskors Martin Scicluna jgħidilna li l-“protezzjoni tal-għejjun hija l-aktar ħaġa importanti”. Fl-istess nifs igħidilna wkoll li l-informazzjoni li kienu għaddewlha dawn l-għejjun għandha tgħaddi f’idejn min kien is-suġġett tal-informazzjoni. Eżatt bħad-diska li ilha tindaqq minn Kastilja li kienu ulied u żewġ Daphne Caruana Galizia li qatluha u li issa qed jippruvaw igħattu xturhom, igħidilna li l-assenza tal-laptop hi “ħabi” u “tfixkil tal-ġustizzja”.

Martin Scicluna jitkellem ukoll dwar Jason Azzopardi. Tkaża talli dan inqeda’ bil-privileġġ parlamentari biex semma’ l-isem ta’ surġent tal-pulizija li l-Pulizija innifisha tissuspetta (għalkemm dan ġie miċħud) li kien hu li tarraf kelma lill-assassini qabel dawn ġew arrestati. Eżattament Martin Scicluna ma xiex ma jaqbilx – mad-dritt tagħna li nsiru nafu li kien hemm konfoffa bejn il-pulizija u l-kriminali jew mal-privileġġ parlamentari?

Martin Sciculna jgħidilna li “l-bħaħan ta’ Brussels u Strasbourg” għandhom ikunu jafu li l-inkjesti maġisterjali għadhom għaddejjin u li, kif jaraha hu, din hija prova li f’Malta ssaltan il-liġi. Iżda malajr jikkontradixxi ruħu meta fl-artiklu tiegħu jilmenta li l-inkjesta dwar l-Egrant imissha ilha li ġiet fi tmiemha. U hawn nistaqsi: Martin Scicluna x’jaf dwar x’progress intlaħaq fl-inkjesti meta dawn suppost huma strettament sigrieti skond il-liġi? Nassigurah li “l-bħaħan ta’ Brussels u Strasbourg” jafu sew li l-inkjesti maġisterjali f’Malta jsiru biss biex jiġbru u jippriservaw il-provi b’mod supplimentari u li ma jammontawx għal investigazzjoni li l-Pulizija biss tista’ tniedi biex tistabilixxi delitt kriminali seħħx jew le u, jekk seħħ, biex tieħu passi bil-qorti kontra min wettaq id-delitt.

Minn dan kollu ma ġara’ xejn. L-istorja dwar il-Panama Papers ilha li xxandret sentejn. Band’oħra din l-istorja kienet tkun biżżejjed biex minnufiħ jinbdew investigazzjonijiet mill-Pulizija. Iżda hawn Malta ma sar xejn. U dan, Sur Scicluna, ċertament ma kienx it-tort tal-MEP’s tal-PN. Iżda turi lid-dinja li Malta ji pajjiż fejn is-saltna tad-dritt falliet.

Imbagħad igħaxxaqha meta jwaħħal f’David Casa għall-fatt li l-inkjesti qed jieħdu ż-żmien. Skont hu, Casa qed igħabbihom lill-Maġistrati bix-xogħol meta jippreżentalhom il-provi. Ma messhiex kienet il-Pulizija ħadet il-briga biex tiġbor il-provi, Sur Scicluna? Għandu għalfejn MEP joqgħod jagħmel dak li suppost għamlet il-Pulizija? Martin Scicluna ma jridx jara MEP jagħmel xogħol il-Pulizija għax ma jrid jara lil ħadd iwettaq dan ix-xogħol.

B’raġunar bħal dan, id-demokrazija tkun qed tiġi mhedda. U huwa appuntu dan ir-raġunar li qed iġiegħel lill-“bħaħan ta’ Brussels u Strasbourg”, lill-istampa madwar id-dinja u lill-komunità kulturali u letterarja jiġbdu konklużjonijiet dwar dak li x’akrtarx qed jiġri f’Malta. Ftit huma dawk li jaħsbu li dak li qed jiġri huwa frott ta’ xi konfoffa minn David Casa, Roberta Metsola u Francis Zammit Dimech mgħejjuna minn “nies mimlijin żelu” bħali.  

Għandi għalxiex naħseb li dawn qed jaraw il-loġika ta’ Martin Scicluna bħala waħda li għandha l-eleganza u l-integrità ta’ qabar imbajjad.

Issa, jekk jagħġobkom, se nimxi fuq il-passi tal-Imgħallem u għall-kwiet noqgħod naqra l-kapitlu minn Ecclesiastes 3.