Bħalissa membri tal-familja ta’ kuntistabbli tal-pulizija għaddejja minn kalvarju. Waqt li kien qed jaqdi d-dmirijiet tiegħu, żagħżugħ ipprova joqtlu. Suppost għandi ngħid li allegatament ipprova joqtlu, iżda l-arrest u taħrika tiegħu fil-Qorti – għalkemm ma jnaqqas xejn mill-preżunzjoni tal-innoċenza – jammontaw għal suspett raġjonevoli.

Aħna u nistennew li jintemm il-proċess kriminali, diġa’ nistgħu naraw x’ġara’ u jkun sewwa jekk nibdew nifformaw il-ħsibijiet tagħna.

Dalgħodu – fil fatt ridt ngħid il-bieraħ: peress li kelli l-problemi bis-sit, stajt biss intella’ l-kitba tiegħi dalgħodu – ktibt dwar ir-reazzjoni kważi totali li kien hawn ta’ xokk, ta’ rabja u ta’ stmerrija. U ktibt ukoll dwar dawk il-ftit boloħ li b’mod pervers għall-aħħar ferħu li seħħ l-inċident preżumibbilment bil-għan li jattiraw l-attenzjoni u fl-istess waqt jipprovokaw reazzjoni.

Kien missni antiċipajt li tal-Labour se jqisu dan l-inċident bħala opportunità oħra biex jagħmlu sarima ma’ ħalq il-kritiċi tagħhom. Dan kien missni stennejtu iżda fil-fatt m’antiċipajtux. Għaliex għalkemm nibqa’ xxukkjat u maħsud meta naqra dak li kiteb wieħed xellerat li jmissu jkun hemm aktar pulizija li jittajru fit-toroq, xorta waħda ħassejtni xxukkjat u maħsud hekk kif xi rjus kbar tal-Labour użaw dan l-inċident bħala ballun politiku. Dan ma stennejtux għax jien dejjem nassumi li n-nies fil-biċċa ‘l kbira tagħhom huma nies li jemmnu fis-sewwa. Imissni naf aħjar minn hekk.

Aktar kmieni llum uffiċjali tal-Partit Laburista niedew kampanja stil faxxista u xlew lill-attivisti tas-soċjetà ċivili li b’xi mod ikkawżaw l-attentat ta’ qtil ta’ kuntistabbli tal-pulizija.

Dan tista’ tipparagunah maż-żmien meta kien hemm min waħħal fuq l-avversarji politiċi għall-ħruq tar-Reichstag.

Dawk l-istess politiċi li llum jiċħdu li teżisti rabta bejn il-medda ta’ 30 sena jiddemonizzaw lil Daphne Caruana Galizia f’għajnejn is-segwaċi tagħhom u l-assassinju tagħha issa qed jorbtu l-protesti kontra l-korruzzjoni u kontra l-attakk fuq is-saltna tad-dritt ma’ attentat ta’ qtil li, kundannabbli kemm hu kundannabbli, b’ebda tiġbid tal-immaġinazzjoni ma tista’ ssejjaħlu inċident politiku.

Kull jum li jgħaddi qed nassistu għal attentati ddisprati minn apoloġisti tal-gvern li, permezz ta’ tattiċi ripressivi li kulma jmorru qed jiħraxu, qed ikomplu jagħmlu ħsara lid-djalogu politiku f’dan il-pajjiż. Ninħasad meta nara li l-gvern ta’ Joseph Muscat huwa lest li jisfrutta r-rabja ġenerali li kien hawn fil-pajjiż minħabba t-twettiq ta’ dan id-delitt – rabja li ovvjament ħakmet lili wkoll –  biex jhedded it-tpattija permezz tal-vjolenza fuq l-attivisti tas-soċjetà ċivili.

Kienet Marlene Mizzi li għoġobha tiftaħ is-siparju.

Aktar tard ittantat iddoqq l-irtirata iżda din il-messanxena m’hux l-ewwel darba li rajniha sseħħ. Kien jiddeletta b’rimarki bħal dawn Joe Grima, li miet dan l-aħħar. U mbagħad tħajjar jeħodlu postu Tony Zarb, għalkemm ftit għamel ħoss.

Issa li resqin l-elezzjonijiet Ewropej, Marlene Mizzi  – minkejja li x’aktarx kienet qiegħda tħossha skomda hi u tipprova politikament tisfrutta l-attentat ta’ qtil ta’ kuntistabbli tal-pulizija li kien fuq ir-ronda – daħlet bir-ras kontra l-protesti li kienu saru dwar in-nuqqas ta’ azzjoni minn naħa tal-Kummissarju tal-Pulizija u ta’ sħabu fuq każijiet ta’ korruzzjoni.

M’għandniex xi ngħidu, kien minn hawn il-quddiem li t-trolls bdew jitfaċċaw. Araw lil Karl Stagno Navarra b’ritratt f’idejh ta’ dawk li marru jipprotestaw quddiem il-kwartier tal-pulizija qisu propagandist imexxi l-idea li l-ħtija għandha taqa’ fuq kull min mar jipprotesta.

X’għandhom x’jaqsmu dawk li jidhru fir-ritratt maż-żagħżugħ li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ pulizija? Kif qatt tista’ teżisti rabta bejniethom? Jaqaw il-vittma ta’ dan id-delitt kien isofri mill-istess ġrieħi li sofra li kieku ntlaqat mill-ajruplani tal-karti li nxteħtu dakinhar tal-protesta minn dawk li kienu qed jipprotestaw?

Illum il-familja tal-vittma, li għad iridu jsiru jafu x’se jiġri minnhom fil-ġejjieni, ġew imġiegħla jsofru dejjem aktar grazzi għall-fatt li l-għażiż tagħhom intuża bħala arma minn gvern tirann li b’disprament liema bħalu qed jipprova jaqbad ma’ kollox biex iżomm fil-wiċċ u fl-istess waqt biex jipprova jwaqqaf il-protesti.

Jistħoqqilhom kull stmerrija.