Forsi jkun aħjar kieku bħala regola ġenerali l-proċess ta’ awditjar mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) jibda jsir qabel proġett jiġi kkummissjonat aktar milli 7 snin wara li jitlesta.  Ilbieraħ ikkummentajt fuq ir-rapport tal-Awditur Ġenerali fuq il-Mater Dei, li prinċipalment sab li m’hemmx biżżejjed dokumentazzjoni biex ikun stabbilit jekk l-affarijiet sarux kif suppost.

Issa għandna quddiemna proġett enormi li wasal biex jibda u forsi nistgħu nieħdu tagħlima mill-każ tal-Isptar Mater Dei.

Joseph Muscat wiegħed li se jpatti għall-ħames snin li għaddew meta ma sar xejn fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali billi jonfoq €50 miljun biex jibni 500 unit tal-akkomodazzjoni soċjali. L-argument li għamel kien li dan se jkun wieħed mill-benefiċċji tal-iskema tal-bejgħ tal-passaporti Maltin. Ma qalx li huwa tort ta’ din l-iskema (jew għall-inqas parti mit-tort) li żdiedet id-domanda għall-akkomodazzjoni soċjali hekk kif aktar riżorsi fis-settur privat qed jinħlew fuq l-iżvilupp ta’ appartamenti inutli li jiswew ammont kbir ta’ miljuni biex il-multimiljunarji tad-dinja jkunu jistgħu jispekulaw waqt li hemm mijiet ta’ persuni li m’għandhomx triq oħra ħlief li jorqdu fuq il-kartun f’garaxxijiet mingħajr faċilitajiet sanitarji tant li jkollhom jippruvaw jissapportu l-bżonnijiet tagħhom sa xħin jasal il-ħin li jmorru l-uffiċċju.

Imma ejja, almenu għalissa, nwarrbu dan fil-ġenb. Qabel ma bdejna nbigħu l-passaporti l-isfida tal-akkomodazzjoni soċjali diġà kienet teżisti, u probabbli dejjem se tibqa’ teżisti. Żgur li jagħmel aktar sens li nisfruttaw il-proprjetajiet vojta minflok niżviluppaw oħrajn ġodda. Jagħmel aktar sens li niżguraw li mill-housing soċjali jgawdu verament persuni bi bżonnijiet soċjali minflok min mar tajjeb a skapitu ta’ dawk li jiffurmaw parti mill-kategorija ta’ faqar ġdid li għandna f’pajjiżna. Jagħmel aktar sens li tgħin lil min qed jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu biex isib saqajh f’suq fejn ħafna qed isibuha diffiċli anke biex jagħmlu l-ewwel pass. Jagħmel ħafna aktar sens li tipprova tinnegozja mas-sidien tal-proprjetà u mal-kerrejja biex jilħqu ftehim aktar ġust bejniethom b’mod li t-tnejn li huma jingħataw garanzija raġjonevoli ta’ stabbiltà.

Imma anke jekk tagħmel dan kollu, tibqa’ l-ħtieġa li jiġu pprovduti proprjetajiet ġodda għall-akkomodazzjoni soċjali. U f’ċirkostanzi bħal dawn, iktar ikun jagħmel sens li toħroġ ammont żgħir ta’ proprjetajiet kull sena skont il-ħtieġa milli tiffriża s-suq għal ħames snin kif għamel dan il-gvern, biex imbagħad toħroġ bi proġett kbir f’daqqa.

Dan jagħmel aktar sens għaliex sakemm il-proġett kbir ikun lest, id-domanda tant tkun qawwija li ssir insapportabbli. Proġett wieħed kbir jieħu aktar fit-tul biex jitlesta milli jieħdu numru ta’ proġetti żgħar. Proġett wieħed kbir jagħti lok ikbar għal dewmien, għal żidiet fl-ispejjeż u għall-possibbiltà ta’ nuqqasijiet. Huwa wkoll inċentiv kbir għall-korruzzjoni.

Li hu stramb hu li l-gvern effettivament iddikjara kemm qed jantiċipa li se jħallas għal kull wieħed minn dawn il-units tal-akkomodazzjoni soċjali. Ħamsin miljun għal ħames mitt binja jfisser rata medja ta’ 100,000 ewro għal kull appartament.

Għoli wisq, qaltlu l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Iżviluppaturi. Sandro Chetcuti qal lill-ġurnalisti li jkun kapaċi jagħmel l-istess biċċa xogħol b’60,000. U jien għandi sorsi ta’ min jorbot fuqhom li jsostnu li anke s-60,000 jistgħu jitnaqqsu għal mill-inqas 50,000 mingħajr ma jsir l-ebda kompromess mal-kwalità.

Jien assolutament m’iniex ikkwalifikat biex nagħti ġudizzju fuq il-korrettezza ta’ xi waħda minn dawn l-istimi imma ninsab preokkkupat serjament bil-fatt li l-gvern qed jiddikjara li lest iħallas ammonti akbar milli l-kuntratturi nfushom jemmnu li għandhom jiċċarġjawh.

F’dan il-kuntest dejjem se jibqa’ d-dubju jekk il-prezz finali li ġie maqbul – li żgur huwa inqas milli pproġetta l-gvern fil-bidu – hux se jkun l-aktar wieħed li jersaq viċin dak li aħna nistennew u nippretendu li jkun prezz ġust. Is-sitwazzjoni f’dan il-każ hija ċara. Il-gvern jgħid li hu jistenna li jħallas 10. Il-kuntratturi jsostnu li 6 jkun biżżejjed. Il-gvern jidher li jkun iffranka 4 imma fil-verità jkun qed jonfoq aktar milli messu jonfoq – ikun kemm ikun il-prezz aktar minn 6 – kaġun tan-nuqqas ta’ kompetizzjoni kif suppost fil-prezzijiet.

L-ispettru tal-korruzzjoni jista’ jiġi eliminat biss jekk isir skrutinju kif suppost. Allura f’dan il-każ l-NAO se joqgħod jistenna 28 sena oħra biex gvern differenti minn dak tal-lum jitolbu jinvestiga jekk l-affarijiet ikunux saru kif suppost?