L-avukati ta’ Ali Sadr qalu lill-qorti Amerikana li, jekk jingħata l-libertà proviżorja, l-klijent tagħhom kien lest li jagħmel pleġġ ta’ 20 miljun dollaru Amerikan bħala garanzija li jidher fil-qorti meta jissejjaħ biex igħaddi ġuri. L-avukati spjegaw li parti mill-pleġġ ikun garantit mill-ġid personali tiegħu li jammonta għal 24 miljun dollaru li nofshom jikkonsistu f’ishma fil-Pilatus Bank ta’ Malta.
Investigatur forensiku maħtur mill-avukati qal li Ali Sadr għandu b’kemm jiswew 12.9 miljun dollaru Amerikan f’ishma fil-Pilatus Bank. L-avukati lill-qorti qalulha wkoll li huma konxji tal-fatt li l-awtorità tas-servizzi finanzjarji ta’ Malta kienet ħatret persuna kompetenti biex tillikwida lill-Bank biex imbagħad ir-rikavat jitħallas lil Ali Sadr. Qalu wkoll li Ali Sadr qed jistenna li jdaħħal f’butu “ħafna inqas” minn 12.9 miljun dollaru.
L-awtoritajiet ta’ Malta għadhom sal-lum jiċħdu li Pilatus Bank qed jiġi likwidat għalkemm il-bieraħ id-Deputat Jason Azzopardi żvela li l-Bank Ċentrali ta’ Malta kien qed jagħmel ħlasijiet lill-kredituri għan-nom tal-Bank u dan minkejja s-suspett raġjonevoli li l-flus li għandu l-Bank ġejjin mill-kriminalità.
L-investigatur maħtur mill-avukati qed igħid li barra b’kemm jiswew 12.9 miljun dollaru f’ishma fil-Pilatus Bank, Ali Sadr huwa wkoll sid ta’ appartament li jiswa 1.5 miljun dollaru f’Washington DC, b’kemm jiswew $227,115 interessi f’A&H Urban Lifestyle Investments LLC, b’kemm jiswew $5.7 miljun interessi f’irziezet li jipproduċu l-pistakki f’Kalifornja, żewġ kontijiet bankarji f’Ċipru li jiswew $3.1 miljun u kontijiet bankarji oħra li jiswew $70,000.
Barra l-garanzija personali li qed joffri, l-avukati ta’ Ali Sadr qalu li ommu, ħutu u numru ta’ ħbieb lesti li jagħmlu garanzija li jidher meta jissejjaħ għall-ġuri mill-qorti.
L-avukati ta’ Ali Sadr qed jissuġġerixxu wkoll, li fost il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, għandu jkun hemm dik li jirrilaxxja l-passaporti kollha li għandu u li jintrabat li ma jakkwistax oħrajn ġodda.
Is-seduta li jmiss tinsab differita għall-24 ta’ Mejju. Dakinhar il-qorti għandha mnejn tiddeċiedi dwar it-talba ta’ Ali Sadr għal-liberta proviżorja.