Għandi rasi verament mistrieħa issa li rriżulta li ħadd ma kien poġġa pakkett suspettuż fuq l-għatba tad-dar ta’ Jeffrey Pullicino Orlando.

Tal-waħx li kieku ġara’ hekk. U jiddispjaċini li spiċċa ħa qata’ nobis.

In-nies m’għandhomx jarmu ż-żibel tagħhom fejn ġie ġie.

Nittama li jinsab tajjeb u li issa jista’ jorqod trankwill. U nittama li fil-ġejjieni ma jkollniex għalfejn narawh fuq breaking news.

Tgħidx kemm konna inkwetati għalih. Kien hemm okkażjoni oħra meta konna rajniħ jibki qisu tarbija u, għalkemm issa għaddew mal-għaxar snin, ftit huma dawk li jistgħu jinsew dik ix-xena kommoventi. Kienet esperjenza trawmatizzanti. Jeffrey xi kultant iġiegħlna ninkwetaw, b’dak it-tè speċjali tiegħu b’kollox.

Nittama li fil-futur joqgħod attent daqs kemm joqgħod attent ħaddieħor fejn jarmi ż-żibel tiegħu kull meta joħroġ il-borża fil-lejl qabel dakinhar li jiġu biex jiġbruha. Tkun xi ħaġa inskużabbli jekk ikun hemm xi ddisprat li jfettillu jagħmel telefonati lill-bomb disposal unit dwar boroż taż-żibel li dwarhom kien messu qagħad aktar attent.