Aħjar tard milli qatt. Iżda mhux tard daqshekk.

Meta kienet xandret aħbarijiet uniċi, meta kienet kisbet l-akbar numru ta’ qarrejja għal dak li kienet tikteb, meta waħedha kien irnexxielha tibdel ix-xenarju f’dak li għandu x’jaqsam mat-tifrix tal-informazzjoni u meta kienet il-mira ta’ intimidazzjoni organizzata, tal-IĠM kien messhom rrikonoxxewha wkoll.

Meta dawk li kienet tikteb dwarhom kienu jinjorawha, tal-IĠM kien messhom ħadu passi biex il-politiċi ma jitħallewx jevitaw lill-membri tagħhom.

Meta kien hemm min ipprova jġibha għarrkupptejha finanzjarjament, meta kien hemm min issekwestra l-kontijiet bankarji tagħha u meta kienet ġiet mhedda minn avukati li jitħallsu kull siegħa dak li l-ġurnalisti jaqilgħu f’sena, tal-IĠM kien messhom iddefendewha.

Meta l-investigazzjonijiet dwar dawk li ordnaw l-qtil tagħha għadhom ma wasslux biex jiġi nvestigat min hu suspettat b’dan, tal-IĠM kien messhom baqgħu lura milli jifirħu bl-effikaċja kbira tal-gvern.

Iżda l-bieraħ tal-IĠM ma komplewx jiżbaljaw u wara mewtha rrikonoxxew kollega li kienu ppruvaw jinjoraw tul ħajjitha. Setgħet kienet agħar.