Ħafna drabi l-partiti politiċi jeħtieġ li jiġu mfakkra li, apparti li jniedu l-kampanji elettorali, jinnamraw mal-kuntratturi, jorganizzaw il-coffee mornings u jivvjaġġaw lejn l-Ażerbajġan, huma wkoll fid-dmir li jfasslu politika favur il-governanza aħjar ta’ dan il-pajjiż. M’għandhomx għalfejn joqgħodu jistennew li jaħkmuna l-kriżijiet qabel jintebħu li jeħtieġ li ssir xi ħaġa. Suppost għandu jkollhom il-viżjoni li bis-saħħa tagħha jkunu jistgħu jantiċipaw l-isfidi qabel ħaddieħor.

Iżda qed jidher ċar f’għajnejja li, fost il-botti, r-risposti u l-propaganda, ħadd m’hu jħabbel rasu biex jara kif se tiġġedded din il-politika.

Verament nixtieq nisma’ x’inhuma l-ħsibijiet u l-proposti tal-partiti għall-futur dwar il-Pulizija u r-rwol tagħhom fl-infurzar tal-liġi. Issa huwa żmien tajjeb biex iż-żewġ partiti iserrħu moħħ lill-poplu li tista’ tissewwa’ l-ħsara li tħalliet issir lill-istituzzjonijiet pubbliċi.

Huwa minnu li Lawrence Cutajar jista’ jserraħ fuq it-tifħir li xerred fuqu kuġinuh li hu wkoll hobża u sikkina ma’ Chris Cardona. U l-uffiċjali għolja tiegħu qed isibu l-kenn ta’ Joseph Muscat u tal-mezzi tax-xandir tal-Labour.

Iżda ma taħsbux li l-korp tal-pulizija għandu jaspira dejjem aktar biex jitjieb? Il-korp għandu jaspira u jaħdem b’riżq il-ħolqien ta’ ambjent fejn, ikun x’ikun in-nuqqas ta’ qbil politiku, il-poplu jibqa’ jafda lill-Pulizija mingħajr il-ħtieġa ta’ indħil politiku jew suddizjoni lejn il-politiċi.

Jeħtieġ li neżaminaw b’reqqa r-rwol tal-Pulizija fil-komunità.

Bosta għad ma jistgħux jifhmu għaliex il-Pulizija qagħdet tistenna’ li jtiha s-sinjal il-prim ministru qabel iddeċidiet li tiċċaqlaq fuq numru ta’ kwistjonijiet ta’ ċerta sensittività politika. Meta f’April tas-sena l-oħra Lawrence Cutajar kien stqarr li dwar il-kwistjoni tal-Egrant ma kien hemm xejn x’wieħed jinvestiga u meta dlonk reġa’ darlu dakinhar stess hekk kif il-prim ministru iddeċieda li jibdel it-tattika, il-Pulizija dakinhar tilfet kull sens ta’ oġġettività.

Nistgħu ngħidu l-istess ħaġa għall-każ tal-Electrogas. L-Electrogas ilmentat mal-Pulizija li xi ħadd għadda informazzjoni mis-servers tagħha lil ħaddieħor u l-Pulizija mmedjatament qomsot u bdiet tinvestiga. Mill-informazzjoni li għaddiet jidher li kien hemm xamma kbira ta’ korruzzjoni li fiha kien involut ir-regolatur dwar is-saħħa u s-sigurtà u meta l-awtorità kompetenti bdiet “inkjesta”, il-Pulizija żammet ruħħa ‘l bogħod.

Bosta huma dawk li ma jistgħux jifhmu kif il-Pulizija tippretendi li teżamina b’reqqa l-patafjuni ta’ karti li jissottomettu hawn Malta l-kumpanniji reġistrati hawn u dan biex jaraw jekk dawn ħaslux flus maħmuġin jew le. Jidher li l-Pulizija m’hix armata għal dan ix-xogħol. B’kuntrast għal dan, hemm il-banek, il-funds u l-kumpanniji li jinsabu armati sa snienhom b’avukati u accountants biex  jippruvaw jgħattu xturhom u jgħadduha lixxa. Kif tista’ l-Pulizija tilqa’ għal dan kollu armata kif inhi b’accountant wieħed biss?

Bosta ma jistgħux jifhmu kif minkejja li l-ġirien tagħna t-Taljani ta’ sikwit iwissuna dwar attivitajiet tal-mafja, aħna bil-kemm nindunaw x’ikun qed jiġri. Irrispettivament teżistix korruzzjoni jew le, meta l-awtoritajiet Maltin ġew konfrontati minn ġurnalisti Taljani dwar it-traffikar taż-żejt li qed iseħħ taħt imneħirhom, it-tweġiba tagħhom kienet tassew tal-mistħija. “Ma konniex nafu” wieġbu xott xott.

Din m’hix problema li qed niffaċċjaw f’Malta biss. Dan l-aħħar kont mistieden nattendi konferenza f’Milan li għaliha attendew esperti dwar il-Mafja minn madwar l-Ewropa. Dawk kollha li jaħdmu barra mill-Italja ilkoll esprimew il-frustrazzjoni tagħhom bil-fatt li jsibuha diffiċli ferm li jfiehmu u li jippersawadu lill-Pulizija ta’ postijiet bħall-Ingilterra, Spanja, id-Danimarka u l-Ġermanja li fil-fatt it-taqtiegħa tagħhom hi ma’ mafja.

Nies bħalna lill-mafja ma jagħrfuhiex u ma jindunawx biha. Kulma naraw huma nies tan-negozju libsin pulit huma u jixorbu l-kafè bil-wieqfa mitlufin jitħaddtu dwar flejjes u riżorsi enormi ġejjin minn għejjun dubjużi.

Għaddewna biż-żmien kemm il-darba u meta mbagħad jinqabdu fl-Italja nindunaw li la għandna l-liġijiet u lanqas għodda li bis-saħħa tagħhom inkunu nistgħu naqbduhom hawn.

Forsi ma tkunx idea ħażina li kieku kellna neżaminaw ċerti liġijiet li saru apposta biex jikkontollaw lill-mafja, liema liġijiet jagħtu tifsira kriminali lill-attività mafjuża u li jagħtu lill-Pulizija ċerti poteri speċifiċi.

Għaliex m’għandniex naħsbu biex nibdew nikkoperaw mas-sħab Ewropew tagħna bil-għan li jiġi msaħħaħ l-infurzar fl-Ewropa u jiġu eliminati kriminali internazzjonali li qed jużawna bħallikieku aħna l-karus tagħhom.

Bosta huma dawk li għadhom ma jistgħux jifhmu għaliex għadu ma sar xejn biex ir-rwol ta’ prosekutur jinfired minn dak tal-avukat ġenerali.

Bosta ma jistgħux jifhmu għaliex maġistrat inkwirenti, li b’riħet il-ħidma tiegħu qed jiġi ttamat li nsiru nafu l-verità għax, per eżempju, l-Pulizija ma tkunx trid tagħmel xogħolha, għandu jibqa’ jiddependi fuq il-Pulizija meta dawn ma jaqgħux taħt l-awtorità tiegħu b’mod effikaċi.

Għaliex m’għandniex nitkellmu dwar il-ħolqien ta’ pulizija ġudizzjarja li taġixxi taħt l-awtorità tal-ġudikanti u mhux taħt dik tal-gvern speċjalment fl-investigazzjoni ta’ każijiet li fihom ikunu taħt suspett ta’ korruzzjoni u ħasil ta’ flus fergħat oħra tal-gvern.

Bosta ma jifhmux għaliex il-gvern jidher li donnu għandu l-ħila moħbija mhux biss li jagħmel il-għassa fuq il-kriminali jew kriminali suspettati iżda wkoll fuq dissidenti u avversarji politiċi. L-iskrutinju fuq is-servizzi sigrieti huwa kważi ineżistenti u l-korp tal-pulizija jidher li mhuwiex fdat f’dak li hu ġbir ta’ informazzjoni u qed tiddependi għal dan fuq aġenzija tal-gvern. F’ċirkostanzi normali, wieħed forsi jasal biex dan jaċċettaħ. Iżda huwa ta’ periklu kbir meta jkollok għodda tas-sigurtà tal-istat f’idejn politiċi fil-gvern li huma stess ikunu taħt suspett.

Bosta huma dawk li ma jistgħux jifhmu għaliex il-protezzjoni għall-whistleblowers hi daqstant dgħajjfa u l-liġi donnha qed tiġi applikata biss biex teżamina n-nuqqasijiet storiċi tal-gvernijiet imgħoddija tal-PN. Il-liġi tal-whistleblower qiegħda biss tagħti sens ta’ sigurtà falza għaliex tista’ tkun nasba speċjalment meta l-verità tkun trid tingħad minn qabel lil dawk li għandhom il-poter jiddeċiedu min għandu jiġi protett u min mhux fl-interess tal-poter li jiġi protett. Hawn niftakar f’dak il-ħaruf li jittella’ lejn il-quċċata tal-għolja biex jirgħa biex ftit tal-ħin wara jitkaxkar lura lejn il-biċċerija biex jitbiċċer.

Bosta huma dawk li ma jistgħux jifhmu għaliex lanqas biss nippruvaw nassumu r-responsabbiltajiet tagħna dwar dak li jseħħ fl-ibħra li nippretendu li huma tagħna. Bħal donnu nippretendu li, minn banda waħda, nistgħu nibqgħu ninsistu għad-drittijiet tagħna fuq qiegħ il-baħar jekk dawn jissarrfu fi qliegħ ta’ flus, iżda mill-banda l-oħra nistgħu ninjoraw jew nagħlqu għajn waħda għat-traffikar tal-bnedmin, taż-żjut, tal-armi u tad-drogi.

Apparti l-ibħra, hemm ukoll dawk il-kriminali fin-negozju li jiġu hawn biex jisparaw fuq u jeliminaw lill-kompetituri tagħhom. Il-ħsejjes tal-isplużjonijiet tal-bombi u tal-sparaturi għadhom jidwu ma’ widnejna.

Qed issir xi ħaġa dwar dan?

Bosta huma dawk li ma jistgħux jifhmu għaliex dan kollu qed jitħalla jseħħ. Hemm għalfejn noqgħodu nissusspettaw li n-nies tal-poter jinsabu mdaħħlin ukoll f’din il-kriminalità? Li l-Pulizija ma tafx x’inhi tagħmel? Li fost dawk impjegati mal-gvern, hemm min qed jixxaħħam? Li kull fejn tħares hemm il-ħallelin?

Jeħtieġ li l-ordni pubbliku u l-infurzar tal-liġi jingħataw priorità fuq l-aġenda politika tal-pajjiż għaliex dawn jinsabu fil-periklu. U jinsabu fil-periklu mhux tort tal-infermiera mill-Bulgarija jew tas-sefturi mis-Somalja. Il-ksenofobija għandna nerħulha fil-ġenb għax hi ħaġa kontro-produttiva, ineffettiva, distruttiva u nġusta.

Minflok għandna nagħtu daqqa t’għajn ta’ seqer fuq dawk in-negozjanti libsin pulit bil-kikkra tal-kafe f’idejhom u ngħidu “le” kbira lill-mafja.