Il-ftira kiesħa tajba.
F’dak il-lejl meta Ali Sadr inkiss inkiss ħareġ mill-bieb ta’ wara tal-Bank tiegħu mgħobbi b’bagalji li possibilment seta’ kien fihom il-provi ta’ reat kriminali, il-kummissarju tal-pulizija kien għadu kemm mela żaqqu b’ikla fenek f’ristorant, hemmhekk stess segwa lill-iskwadra favorita tiegħu tal-football fuq it-television u mar jorqod biex imbagħad l-għada filgħodu rċieva ordni biex jagħmel tfittxija fil-Bank.
Din il-ġimgħa saret tfittxija fl-uffiċċji ta’ Portmann Capital u dan jumejn wara li l-gvern baxx baxx għadda informazzjoni lill-ġurnali li din il-kumpannija kienet suspettata li ħaslet ammonti kbar ta’ flus maħmuġin. Mill-perspettiva tas-suspettat, il-politika li permezz tagħha dawk suspettati qed jingħataw żmien biżżejjed biex igħattu xturhom u jħassru kull ħjiel ta’ reat kriminali issa jidher li tjiebet.
Il-bieraħ Karl Cini ġie interrogat fil-kwartier ġenerali tal-pulizija. U ġie nterrogat sentejn wara li xxandru l-Panama Papers li kienu kkonfermaw l-istejjer li kitbet Daphne Caruana Galizia fis-sens li kemm Cini kif ukoll il-kumpannija li jaħdem magħha ma jiswewx tebaq fwiedhom. Damu sentejn sħaħ jaħsbuha.
Din il-ġimgħa ktibt dwar it-tfittxija li saret fl-uffiċċji ta’ Portmann Capital u dwar dawk li jażżardaw itarrfu xi kelma lil min ikun suspettat b’ħasil ta’ flus li, skond il-liġijiet tagħna, jkunu qed jikkommettu reat kriminali. Per eżempju, int taħdem bħala accountant u tintebaħ li l-klijent tiegħek x’aktarx qiegħed jaħsel il-flus maħmuġin. Jekk int saħansitra tiġbed l-attenzjoni tal-klijent dwar dan, tkun qed tikser il-liġi u tista’ tipiċċa l-ħabs.
Dan, iżda, ma japplikax għal reati kriminali serji oħra. Jekk xi ħadd joqtol lil ħaddieħor fil-preżenza tiegħek, mhux mistenni minnek li tagħmel tabirruħek li ma rajt xejn. U ma tintbagħtx il-ħabs għax lill-qattiel tgħidlu li bi ħsiebek tmur tirrappurtah l-għassa tal-pulizija.
Kull kriminal jagħmel l-almu tiegħu biex jgħatti xturu. U fil-każ tal-ħasil tal-flus maħmuġin, ix-xtur jistgħu jitgħattew b’aktar ħeffa.
Kultant jitfaċċa xi ħelu li fil-Facebook u jgħidilna dak li hu ovvju: jiġifieri li jien m’jinix espert kwalifikat dwar il-ħasil tal-flus u li m’għandi xejn x’ngħallem dwar dan is-suġġett lill-Pulizija.
La jien espert u lanqas nippretendi li għandi l-ħila li ngħallem lill-Pulizija.
Għandi nifhem li l-investigaturi kien jafu x’qed jagħmlu meta li ddeċidew li jibgħatu għal Karl Cini proprju issa, hekk kif irritorna mill-vaganzi ta’ Awwissu, biex jistaqsuh dwar ġrajjiet li lkoll nafu li ġraw sentejn ilu. Iżda ħadd ma jlumni jekk ngħid li din id-deċiżjoni ttieħdet mhux neċessarjament biex lil Karl Cini jaraw f’hiex jistgħu jaqbduh.
Ibqgħu ċerti li se jgħidulna li lil Cini interrogawh proprju issa b’riħet il-konklużjoni riċenti tal-inkjesta Egrant. Skuża mill-aktar fjakka. Jekk il-kwistjoni li dwarha Cini ġie nterrogat il-bieraħ saru jafu biha matul l-inkjesta, il-Pulizija kienu jafu biha ferm qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport u dan għaliex rappreżentant tagħhom kien dejjem preżenti fil-kamra. U meta l-Pulizija ssir taf b’reat kriminali, jkun mistenni minnhom li jieħdu azzjoni, sakemm ikun ma jkunx jaqbel li jistennew ftit biex jiżdiedu ċ-ċansijiet tal-ħolqien ta’ aktar provi. Għar-raġunijiet li diġà ġew spjegati aktar ‘il fuq, hawn dan ma kienx il-każ.
Barra minn hekk, jeħtieġ niftakru li l-inkjesta Egrant inbdiet aktar minn sena wera li xxandru l-istejjer dwar il-ħidma ta’ Nexia BT u l-Pulizija ċertament m’għandhiex għalfejn toqgħod tistenna li jsiru l-inkjesti biex tagħmel l-investigazzjonijiet li jkunu meħtieġa.
Wieħed ma jistax ma jissuspettax li l-interrogazzjoni ta’ Karl Cini (naqta’ rasi li lil Brian Tonna se jibgħatu għalih ukoll) saret biss għal għajn in-nies u biex tipprova ttaffi r-rabja ġenerali li hawn minħabba l-impunità sħiħa li gawdew għal sentejn sħaħ dawn it-tnejn u l-bqija tal-klikka tal-Panama.
U m’hemmx dubju li se jgħidulna li ma sabu xejn ħażin — tgħiduli xejn! — u li aħna “ivvintajna gidba”.
Dawn kemm jaħsbuna boloħ?
Ir-ritratt huwa meħud minn The Malta Independent.