Illum kien ikun eqħluq l-54 sena ta’ Daphne Caruana Galizia. Din hi stqarrija li għamlet dalgħodu Reżistenza Malta:
L-assassinju brutali ta’ Daphne Caruana Galizia seħħ wara perjodu twil ta’ demonizzazzjoni fil-konfront tagħha. Il-politiċi, ix-xandara w il-kummentaturi li ngħaqdu f’mantra sabiex ittimbrawha bħala “saħħara” lkoll ikkontribwew sabiex inħoloq atteġġjament ostili kontra tagħha.
Minkejja dan hi ġġieldet il-korruzzjoni u l-abbuż ta’ poter bla biża’. F’għeluq żmienha nħossu li Malta għandha dejn kbir fil-konfront ta’ Daphne Caruana Galizia u tal-familja tagħha.
F’mument fejn f’pajjiżna bdew jaqbdu l-art ideat faxxisti, fejn l-impunita’ saret ir-regola, fejn il-poteri politiċi ta’ spiss jirrikorru għall-arma tad-demonizzazzjoni saħansitra fil-konfront ta’ ġurnalisti, fejn min jikxef il-korruzzjoni jiġi ttimbrat bħala traditur ta’ pajjiżna, naffermaw il-konvizjoni tagħna li Daphne Caruana Galizia ġiet eliminata għaliex qalet il-verita’.
Min jigdeb fuqek tieħdu l-qorti. Huwa fil-konfront ta’ min jgħid il-verita’ fuqek li m’għandekx rimedju legali. U allura ma nitsgħux ma nistaqsux: Min qiegħed jibbenefika mill-eliminazzjoni ta’ Daphne Caruana Galizia?


