Il-ġurnal de Volkskrant xandar rapport li fih inkiteb li l-awtoritajiet Maltin huma xxukkjati minħabba l-ħrara u d-determinazzjoni tal-MP Pieter Omtzigt li nħatar mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex iniedi rapport dwar jekk l-investizgazzjonijiet dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia humiex verament indipendenti.

Skond ir-rapport, Pieter Omtzigt għandu fama fl-Olanda ta’ “kelb tal-għassa” li, biex isib tarf tal-problemi li jqiegħdulu f’ħoġru, jidħol bir-ras. Il-Prim Ministru Olandiż Mark Rutte jaf kemm huwa persistenti Pieter Omtzigt meta jiġi biex iżomm kontabbli lil min ikollu s-setgħa. F’kumment li ta lil de Volkskrant, Omtzigt stqarr “dan huwa r-rwol ta’ membru tal-parlament”.

Kif irrappurtajt aktar kmieni, id-deputat Laburista Manuel Mallia talab lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa biex ikeċċi lil  Omtzigt. Il-gvern qed igħid li Omtzigt m’huwiex persuna “imparzjali” iżda m’għamel ebda spjegazzjoni lill-istampa Maltija biex isostni ir-raġunijiet għaliex irid li dan jitkeċċa.

De Volksrant qal ukoll li r-rapport finali ta’ Omtzigt mistenni jitlesta sas-sajf li ġej. “Ir-rapport li se nħejji m’huwiex dwar min wettaq il-qtil, iżda dwar it-tħaddim tal-istat kostituzzjonali f’Malta”.

F’każ li l-konklużjoni tar-rapport tkun waħda negattiva, Malta titqiegħed taħt pressjoni minn pajjiżi oħra Ewropej tirriforma s-sistema ġudizzjarja u tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjoni dwar il-qtil.