Ma nafx jekk Jean Claude Juncker, qabel tkellem illum, kienx ġie muri ritratt tal-mod kif il-makfar tal-Assedju l-Kbir ġie mdawwar bil-barrikati minn nhar il-Ħadd l’hawn. Li ċertament huwa żgur hu li kellu f’moħħu lil Malta u lil Daphne Caruana Galizia meta stqarr li numru kbir ta’ ġurnalisti fl-Unjoni Ewropea kienu qed jiġu “intimidati, attakkati u anki assassinati,” u li l-libertà tal-istampa hi t-tarka tad-demokrazija. 

Dawk kollha li ilhom jipprotestaw għal dawn l-aħħar 11 il-xahar isostnu l-istess ħaġa: li jeħtieġ li d-demokrazija tiġi mħarsa.

F’ċirkostanzi normali, l-politika m’hi xejn ħlief kompetizzjoni bejn ideat differenti u gruppi ta’ persuni differenti. Iżda jaf ikun hemm żmien meta ċerti kwistjonijiet fundamentali jkun jeħtieġ li jiġu trattati bis-serjetà.

Fi żminijiet bħal dawn, kwistjonijiet kunsidrati normali bħalma huma dawk dwar jekk it-taxxi għandhomx jiżdiedu jew jitnaqqsu, dwar jekk l-isptarijiet għandhomx jitmexxew mill-gvern jew mill-privat jew dwar jekk it-triqat għandhomx ikunu idjeq jew uwsa’, isiru sekondarji fl-importanza tagħhom.

Qegħdin nistaqsu dwar jekk l-istampa għandhiex titħalla taħdem fil-libertà mingħajr il-biża’ ta’ xi tpatija. Dwar jekk attivisti, protestanti u ċittadini komuni jistgħux jesprimu ħsibijiethom fil-libertà u bla biża’. Dwar jekk nistgħux nimirħu f’pjazza pubblika u nipprotestaw b’mod paċifiku.

Dak li seħħ fi Triq ir-Repubblika eżatt quddiem il-bini tal-qorti huwa xhieda ħajja li fil-fatt ma nistgħux nimirħu bil-libertà. F’dawn iż-żminijiet, dmirna hu li nitkellmu b’leħen għoli.

Kien ta’ sodisfazzjon li Jean Claude Juncker ma qagħadx jogħmodha dwar is-sitwazzjoni li ninsabu fiha. M’għandniex xi ngħidu, Juncker jinqala’ biex jilgħab il-logħba politika. Dalwaqt iħalli l-kariga li għandu u issa m’għandux għalfejn joqgħod jagħmel il-kompromessi mal-gvernijiet nazzjonali. Il-vot li ttieħed fil-Parlament Ewropew kontra Victor Orban tal-Ungerija wera’ li din l-istituzzjoni hi mpenjata mill-ġdid biex tħares s-saltna tad-dritt u d-demokrazija fl-Unjoni Ewropea.

Madankollu nafu wkoll li t-tiranni fl-UE għandhom ħabta li jħokku dahar xulxin. Fil-fatt, huwa mistenni li r-reġim Pollakk se joħroġ jiddefendi lil Victor Orban u x’aktarx l-istess se tagħmel l-Italja, pajjiż li bil-mod il-mod qed jilbes kappa faxxista traġi-komika.

Illum Alfred Sant kien l-uniku MEP li rrifjuta li jivvota kontra Victor Orban talli dan każbar is-saltna tad-dritt f’pajjiżu. Fil-Parlament Ewropew, dak li fl-imgħoddi kien il-Prim Ministru ta’ Malta qal li “jekk nimxu b’dan il-mod ma’ pajjiż wieħed, m’hemm xejn x’iżommna milli nimxu bl-istess mod ma’ pajjiż ieħor.”

Bħal donnu xamm li dalwaqt imiss lil Malta. U ċertament Joseph Muscat dan ma jixtiqux.

Ir-ritratt ma’ din l-istorja huwa ta’ Antonio di Pietro waqt li kien qed iżur il-mafkar tal-Assedju l-Kbir mimli tifkiriet u noti mħollija minn nies ġimgħat biss wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Ir-ritratt kien ġie mxandar għall-ewwel darba minn The Shift News.