Falla attentat minn naħa tal-gvern biex tinżamm il-kumplizzjoni ta’ rapport mill-Kunsill tal-Ewropa dwar “il-kxif tal-verità kollha dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia”.

Dan l-attentat sar mill-eks ministru Manwel Mallia li hu r-rappreżentant tal-Partit Laburista fl-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

Manuel Mallia talab lill-Kumitat dwar l-Affarijiet Legali u dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari sabiex jiġi rtirat l-inkarigu li ngħata lill-membru parlamentari Olandiż Peter Omtzigt sabiex jirrapporta dwar il-mod kif il-gvern Malti qed jassigura li toħroġ il-verità kollha dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia li seħħ kważi sena ilu. Il-mozzjoni tiegħu ma sabitx appoġġ meħtieġ mill-Parlamentari l-oħrajn.

L-inizjattiva biex tinbeda’ investigazzjoni ttieħdet meta membri parlamentari fil-Kunsill tal-Ewropa minn kull lewn politiku u minn diversi pajjiżi esprimew id-dubji tagħhom dwar humiex isiru l-isforzi kollha meħtieġa b’riżq il-kxif tal-verità.

Il-gvern ta’ Joseph Muscat ried li titwarrab l-investigazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa waqt li qed jagħmel sforzi qawwija biex ifixkel l-andament ta’ investigazzjoni oħra, din id-darba mnedija mill-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-Parlament Ewropew.

Dan il-Kumitat, immexxi minn Sophie in’t Veld tal-Partit liberali Demokratiku, mistenni jżur Malta l-ġimgħa d-dieħla biex jistħarreġ dwar il-każ.

Parlamentari Ewropej kemm mill-Kunsill tal-Ewropa kif ukoll mill-Parlament Ewropew huma determinati li jissuktaw bl-inkjesti tagħhom dwar l-imġieba tal-gvern Malti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u dan minkejja l-għajjta tal-gvern ta’ Joseph Muscat li l-konklużjonijiet tal-inkjesta Egrant ixejjnu dak li jqis bħala gideb motivat politikament dwar ir-reputazzjoni tiegħu.