Il-mafkar tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta sar is-simbolu l-aktar importanti fit-taqtieha li għaddej minnha l-pajjiż favur il-libertajiet bażiċi.

Ftit inqas minn sena ilu bdew jitqiegħdu fjuri, xemgħat, messaġġi stampati u ritratti bis-saħħa ta’ mewġa ta’ rabja popolari wara li nqatlet ġurnalista li kellha eluf kbar ta’ qarrejja jsegwuha u li kienet tgawdi rispett daqs kemm kienet s-suġġett ta’ mibgħeda u ta’ stmerrija. L-azzjonijiet ta’ dawk li kienu jwarrbu l-fjuri u x-xemgħat mill-mafkar u ta’ dawk li kienu jerġgħu jqiegħduhom ipprovokaw mistoqsija mill-aktar mportanti.

In-nies għandha jew m’għandhiex id-dritt li tagħmel użu minn spazji pubbliċi biex tipprotesta b’mod konsistenti u fuq bażi ftit jew wisq permanenti dwar kwistjonijiet li huma ta’ natura skomda għall-gvern?  Sal-ġimgħa li għaddiet il-gvern ħoloq skuża. Ħadd ma jiddubita li fl-10 darbiet li tneħħew il-fjuri u x-xemgħat, dan x’aktarx dejjem ġara’ għax inħarġet ordni mill-uffiċċju tal-prim ministru. Is-sejħiet minn naħa ta’ qaddejja tal-gvern, bħalma huma Jason Micallef u Jeffrey Pullicino Orlando, biex “jitnaddaf” is-sit minn kull oġġett li huwa xhieda ħajja tar-rabja tan-nies għall-impunità li jgawdu dawk li qatlu ġurnalista huma prova nkonklussiva tal-id moħbija tal-gvern.

Iżda mbagħad il-gvern tilef il-paċenzja. Ftit kien hemm protesti sekolari li seħħew f’Malta li damu għaddejjin għal ħdax il-xahar. Biex nagħmlu l-paraguni, forsi nkunu jeħtieġ li mmorru lura għas-snin 80 meta kienu seħħew protesti dwar drittijiet fundamentali li kienu qed jiġu mhedda b’mod mill-aktar aggressiv mill-istat.

Fl-anniversarju tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-gvern assolutament ma jridx li madwar id-dinja terġa’ titkebbes ir-rabja lejħ talli naqas jagħmel dak kollu meħtieġ biex isib tarf tal-każ. Joseph Muscat fehem sew is-simboliżmu tal-mafkar fil-qalba tal-Belt faċċata tal-qrati tagħna. Qalulu li sal-ġimgħa li għaddiet ma kinitx tgħaddi siegħa filgħodu li n-nies – turisti u negozjanti barranin b’mod partikolari – ma kinitx tieqaf quddiem il-mafkar tal-Assedju l-Kbir għal ftit minuti biex tara b’għajnejha xhieda ħajja li dan il-pajjiż għandu ruħ.

Waqt li l-Avukat Ġenerali qed jirreżisti b’mod farsesk il-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta sħiħa dwar Egrant, qed jagħti lil Joseph Muscat iż-żmien li jeħtieġ biex, fejn ikun jaqbillu, jħassar brani mir-rapport u mbagħad ixandru b’mod imqassar f’attentat biex imewwet protesti li jistgħu isiru f’Ottubru. Iżda dan mhux biżżejjed.

Il-gvern ordna li l-mafkar tal-assedju jitgħatta u jiddawwar bil-barrikati tal-pulizija. Il-mafkar issa la nistgħu narawh u lanqas inmissuh. Dan kollu sar fit-8 ta’ Settembru nnifsu, ġurnata ta’ festa pubblika. Lill-kuntrattur ordnawlu jgħatti l-mafkar u jdawwru bil-barrikati nhar il-festa stess is-Sibt li għadda – lanqas li kien hemm xi periklu li l-mafkar jikkrolla! Il-mafkar ma kellu bżonn ebda restawr – ir-restawr kienu ħadu ħsiebu ta’ Din l-Art Ħelwa 8 snin ilu biss.

U anki li kieku l-barrikati huma meħtieġa sakemm jitqaxxru l-fdalijiet tax-xemgħa u tebgħat tal-ħamrija, għaliex in-nies qed jinżamm milli tersaq lejn il-mafkar? Dan huwa spazju pubbliku li la hu ta’ Joseph Muscat u lanqas tal-gvern. F’soċjetà ħielsa, il-pjazza hi tal-poplu: il-pjazza hi spazju liberu fejn in-nies tkun tista’ tippassiġġa, titħaddet, tipprotesta jekk tkun trid jew timxi minn ħanut għall-ieħor jekk tippreferi dak kollu li hu tad-dinja. Dmir il-gvern hu li jassigura li jkun hemm sigurtà sħiħa fil-pjazza: li ma jkun hemm ħadd li jipprova jeqred il-libertajiet ta’ ħaddieħor. Ma jistax ikun il-gvern stess li jxekkel l-eżerċizzju tal-libertajiet pubbliċi. Il-gvern m’għandu ebda dritt li jnaqqas l-aċċess għall-ispazji miftuħa, speċjalment f’waħda mill-pjazez ewlenin tal-belt kapitali, sakemm ma jkunx hemm fin-nofs xi periklu li jkun jeħtieġ li jiġi evitat.

It-tqegħid tal-barrikati mill-pulizija fi Pjazza tal-Assedju l-Kbir hi azzjoni illegali. U jkun kompliċi mal-isforzi tal-gvern biex itaffi s-sens tal-ħtija li għandu dwar il-qtil politiku min jobdi l-ordnijiet tal-pulizija biex ma jaqbiżhomx. Huwa dmirna li nisfidaw dawk il-barrikati. Mhux kulħadd se jkollu l-kuraġġ li jagħmel dan. Il-biċċa l-kbira mhux se jażżardaw. Ikun hemm min jibża’ mill-konsegwenzi u oħrajn li ma tgħaddilhomx minn rashom li jisfidaw ordni tal-pulizija.

Dawk li jkunu lesti li jisfidaw dawn l-ordnijiet jagħmlu dan b’rispett lejn liġijiet li huma aktar fundamentali. L-ispazji pubbliċi fil-beraħ huma tan-nies u għandhom jibqgħu aċċessibbli għan-nies. Il-libertà tal-kelma tagħmel sens biss meta nkunu ħielsa li nesprimu ruħna b’mod li jista’ jkebbes ir-rabja tal-gvern. Il-fjuri u x-xemgħat m’huma theddida lejn ħadd ħlief lejn il-ħatja u dawn jinkixfu ta’ li huma skond kif jirreaġixxu.

Għandna nibqgħu insusu biex iseħħ il-ġustizzja sakemm din fil-fatt isseħħ. Jekk ikun hemm il-biża’ li l-ġustizzja tista’ ma sseħħ qatt, għandna nibqgħu insusu u ninsistu b’aktar qawwa. dawk il-barrieri jeħtieġ li jtiru. Jekk ma jtajjarhom il-gvern, ikollna ntajjruhom aħna.