Ħadd m’għandu xi intenzjoni li l-mafkar tal-Assedju l-Kbir “jagħmlu tiegħu”. L-użu ta’ kliem tqil ma jimpressjona lil ħadd. Il-mafkar tal-Assedju l-Kbir f’postu baqa’ – ħadd ma ħadu d-dar miegħu. Wara l-massakru tal-Bataclan li seħħ f’Pariġi, il-monument lir-Repubblika Franċiża fi Place de la Republique ħadd mill-proetestanti m’għamlu tiegħu. Ħadd minnhom m’għaddietlu minn rasu li japplika għal permess biex f’dan il-monument jitqiegħdu fjuri u messaġġi ta’ solidarjetà. L-awtoritajiet tal-belt lanqas biss ħasbuha li jneħħu l-fjuri u l-messaġġi: fil-fatt, ħasbu biex ikun hemm l-għassa kontinwa mal-monument biex jiżguraw li ma jkunx hemm xi rjus sħan li ma jaqblux mal-protestanti li jipprovuvaw ineħħu l-fjuri u l-messaġġi.
Owen Bonnici m’huwiex Ministru tal-Ġustizzja ta’ pajjiż demokratiku. Lanqas m’hu Ministru tal-Kultura f’pajjiż demokratiku li verament igħożż u jħares il-libertà tal-kelma. Ma jidhirx li jaf xi jfissru l-kliem “libertà tal-kelma”.
Lill-ġurnalisti qalilhom li fil-pajjiż hawn il-libertà tal-kelma għax ‘Manuel Delia mexxa lill-protestanti lejn il-Ministeru tiegħu’. Qal ċuċata. Min jipprotesta favur il-libertà tal-kelma ma jittieħdux f’post minn oħrajn biex jipprotestaw. Dawn huma nies li jagħżlu huma stess li jipprotestaw għaliex m’humiex lesti li jħallu lil xi prim ministru jew xi politiċi jmexxuhom minn imneħirhom. Daqstantieħor m’huma se jħallu ebda Manuel Delia jmexxihom minn imneħirhom.
Dan kollu għaliex Owen Bonnici jaqbdu l-bard kull darba li jien nikteb dwaru, ma jfissirx li dawk li jaqraw dak li nkun ktibt se jagħmlu dak kollu li nissuġġerixxi jien kemm il-darba dawn ma jkunux qablu ma dak li nkun ħriġt bih. Owen ikellej b’xibru – għax imdorri jbaxxi rasu għal kulma jordnalu Joseph Muscat.
Owen Bonnici għandu jifhem li l-karba għall-ġustizzja u għas-sewwa mhix frott il-ħila persważiva ta’ xi attivist jew ta’ xi blogger (ħaj jew mejjet). Dan kollu għaliex hu, għax bniedem dgħajjef, spiċċa biex sar vittma tal-propaganda tal-partit tiegħu stess ma jfissirx li ħaddieħor huwa lest ibaxxi rasu bħalma huwa dejjem lest ibaxxiha hu. Għad hawn bosta li għandhom imħuħ biex jaħsbu u li lil Kbir Joseph kapaċi li jgħidulu “le”
Ma kinux l-attivisti li kienu bdew iqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat quddiem il-qorti. Min igħid hekk ma jkunx qed igħid is-sewwa. Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru u dakinhar stess uliedha u żewġha tkaxkru lejn il-qorti u ġiegħluhom jistennew fil-bini fil-presenza ta’ Chris Cardona u ta’ Keith Schembri min dik it-taparsi mħallef – dak iż-żmien maġistrat – Consuelo Scerri Herrera.
Wara li għaddew jumejn, bħala werrieta ta’ ommhom kellhom jerġgħu jmorru l-qorti biex jiddefendu kawża li kien għamel kontriha Chris Cardona. Qabel qatluha, lil ommhom kienu ppruvaw jeqirduha legalment u finanzjarjament. Lil uliedha, imnikktin kif kienu, kienu reġgħu kaxkruhom lejn il-qorti mhux biex issir il-ġustizzja iżda biex l-istituzzjonijiet tal-istat iċaħħduhom minnha.
Huma u ħerġin mill-bini tal-qorti ma’ xi ħbieb, huma – imnikktin u rrabjati kif kienu – qiegħdu xi ftit fjuri mal-mafkar tal-Assedju l-Kbir bħala protesta. U wħud minna dehrilhom li wliedha m’għandhomx jitħallew weħidhom.
Filwaqt li l-prim ministru, qiesu ma kien ġara xejn, reħielha lejn id-Dubaj biex ibiegħ il-passaporti, hekk kif tkellem b’nofs tbissima ma’ tas-CNN u hekk kif il-gvern nieda kampanja biex jipperswadin ama nagħmlux għaġeb żejjed dwar l-assassinju ta’ ġurnalista, x’uħud minna dehrilhom li dan kollu m’huwiex sewwa.
Fil-fatt l-eżempju tawh xi studenti tal-Iskola San Anton. Dawn marru biswit il-mafkar tal-Assdju l-Kbir u, biex juru solidarjetà mal-familja ta’ Daphne, qiegħdu fjuri u messaġġi ta’ appoġġ.
Oħrajn imxew fuq l-eżempju tal-istudenti u mill-eweel ġimgħa wara l-assassinju għamlu l-istess ħaġa. U baqa’ jsir hekk sal-lum. Dawn m’humiex attivisti Sur Owen Bonnici. Dawn huma nies. L-attivista huma dawk li jħarsu l-mafkar. Iżda huma n-nies li jipprotestaw. Aħna norganizzaw iżda mbagħad in-nies jattendu minn jeddhom. Għandhom il-libertà li int m’għandekx.
Owen Bonnici qalilna li meta tintemm laqgħa pubblika, min jorganizza għandu jara li jnaddaf. Iżda l-protesti m’humiex xi rock concert jew street party. L-attivita ma tintemmx malli jitqiegħdu l-fjuri u meta min iqiegħdhom iwarrab mill-post. Kull meta Joseph Muscat iqiegħed il-fjuri fuq xi mafkar ta’ xi prim ministru tas’ qablu f’għeluq sninu, ma jitneħħewx il-fjuri malli jwarrab mill-post.
Jidher li Owen Bonnici tilef il-paċenzja u l-protesti qed isejjħilhom ‘approprjazzjoni’ – kelma li tfisser “serq”. Qed jakkużana li sraqna l-mafkar tal-Assedju l-Kbir għaliex fuqu tqiegħdu ruxxmata fjuri, xemgħat u messaġġi b’talbiet biex issir il-ġustizzja.
Madankollu dan id-diskors Owen ma qalux fil-qorti minkejja li kellu kul opportunità li jagħmel dan meta jien tlabt lill-qorti tħarisli drittijieti mill-ordnijiet abbużivi biex jeqred i jiċċensura l-protesta. Il-qorti orndantlu jwieġeb – iżda minflok għamel dan, ordna darbtejn li fis-satra tal-lejl jitneħħew l-istrixxun, il-fjuri u x-xemgħat u lill-istampa qalilha li jien stajt niġbor dawn l-oġġetti kollha li kieku xtaqt. Iżda ma qalx li jien kien ikolli nġib prova li l-fjuri midbiela u x-xemgħat huma fil-fatt tiegħi.
Dan jien ma stajtx nagħmlu anki li kieku ridt. In-nies qiegħdu l-fjuri u x-xemgħat u Owen Bonnici neħħiehom. U Owen Bonnici injora t-talba tal-qorti biex iġib spjega dwar l-għemil tiegħu u għaliex jien m’għandix raġun nitlob li l-oġġetti ma jitneħħewx.
IMinflok mar jakkużani li jien sraqt il-mafkar.
Din hi agħar minn ċensura: Owen Bonnici jattakka l-persuna mhux l-azzjoni u jattakka lili. Iżda bija jew mingħajri l-protesti jeħtieġ li jkomplu.
It-trolls ta’ Owen Bonnici jgħidulna li jien ma missnix nitkellem għax darba kont membru tal-PN jew għax tmien snin ilu l-karrozza tal-linja kienet waslet tard jew għax jien oħxon. Dawn ir-raġunijiet huma kollha minnhom iżda huma lkoll irrelevanti għall-ħsibijiet ħielsa ta’ persuni li jien ma nafhomx u li l-Ħadd li għadda ġabu xemgħa u talbu lil Owen Bonnici, lil Peter Grech, lil Keith Arnaud u l-bqija biex iwettqu dmirhom.
U jgħid x’jgħid Owen Bonnici, m’għandix l-iċken dubju li se jerġgħu imorru biex iqiegħdu l-fjuri u x-xemgħat. M’humiex se jiġu ntimidati b’xi akkuża ta’ “approprjazzjoni” tal-mafkar tal-Assedju l-Kbir. U lanqas m’huma se jaqtgħu qalbhom mill-fatt li Owen Bonnici ħarref li twaqqgħet ix-xemgħa fuq l-irħam tal-mafkar.
U biex taqla’ ftit xemgħa minn fuq irħama hemm għalfejn “restawr”? Owen ma jafx li tista’ tagħmel festa bi ftit misħun u b’barraxa?