Joseph Muscat qalilna li “ma qabilx” ma min iddeċieda li tinġieb Malta b’ajruplan privat membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar – persuna li taħdem mal-gvern – sabiex bil-vot tagħha f’laqgħa msejħa apposta tiddeċiedi Silvio Debono għandux isir biljunarju jew le.    

Meta jkun jaqbillu, Muscat jigħabha tad-dgħajjef.

Dan jippretendi li għandna nemmnu li ma seta’ jagħmel xejn meta membri tal-pulizija, b’guffaġni liema bħalha, kalaw ‘il barra lil tal-Graffiti li kienu qegħdin jipprotestaw waqt laqgħa tal-Awtorità.

Li kieku m’aħniex ngħixu f’Malta, konna naħsbu li Muscat huwa prim ministru li jmexxi gvern imneżża’ minn kull awtorità fuq in-nies ta’ taħtu u mingħajr il-mezzi biex imexxi u jiddixiplina lil dawk li jisfidaw lil din l-awtorità.

Wasalna f’punt fejn iċ-ċiniżmu tiegħu tant mar għall-estrem li ħadd m’għadu jieħdu bis-serjetà. 

Hawn xi partitarju ta’ Joseph il-Kink li jaħseb li l-benjamin tiegħu ma kienx hu stess li personalment awtorizza l-ispiża tal-waħx biex setgħet tinġieb Malta b’ajruplan privat membru tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar biex din tkun tista’ tivvota? 

Hawn xi prim ministru f’sensiħ li jasal biex jittollera nefqa ta’ €14,000 fuq vjaġġ b’ajruplan privat minn Sqallija dan kollu biex membru tal-Bord tkun tista’ tivvota mingħajr ma jitnaqqas xejn mill-vacation leave tagħha?

Il-prim ministru ma jistax ikollu skużi biex jiġġustifika skandlu bħal dan għar-raġuni li m’huwiex kredibbli. Anke jekk jiċħad għal mitt darba li ma kellu x’jaqsam xejn u anki jekk joħroġ għan-nofs xi wieħed minn ta’ taħtu biex ikollu f’min iwaħħal.

Biex ngħid is-sewwa, Joseph Muscat iddgħajjef, iżda mhuwiex dgħajjef kif fil-fatt jixtieqna li narawh. 

Sa minn qabel l-elezzjoni tal-2013 kien ikkommetta ruħu biex l-art ta’ Pembroke jittrasferiha, nistgħu ngħidu, b’xejn, jittrasferixxi band’oħra l-iskola tat-turiżmu li kien hemm fuq din l-art, jassigura l-ħruġ tal-permessi tal-bini u l-ħolqien ta’ infrastruttura għat-trasport bi flus pubbliċi.  

Muscat ma setax jiċċaqlaq minn dak li kien ikkommetta ruħu dwaru. Igħidu x’igħidu t-trolls tal-Labour, dan in-negozju tant hu inġust u jiġbed biss lejn in-negozjant li anki nies ta’ ġewwa nett fil-Partit Laburista jinsabu nkwetati u qed jistaqsu ħafna mistoqsijiet pertinenti. 

Joseph Muscat – qisu Mussolini żgħir jippoppa sidru biex jurina kemm hu kbir u setgħan – ma jiħux pjaċir jidher dgħajjef. Ma jiħux pjaċir jidher qed iservi ta’ paraventu għall-interessi ta’ ħaddieħor. Iżda, fil-fatt, proprju hekk qed jidher li qed jagħmel.

It-torri ta’ Pembroke, li diġa kien inħareġ għall-bejgħ minkejja li l-art li se jinbena’ fuqu kienet għadha tal-gvern, jurina li s-setgħa għandha l-limiti tagħha. Hawn min jitkellem bħallikieku Joseph Muscat huwa infallibbli, bħallikieku għandu setgħa bla tarf, bħallikieku għandu appoġġ li qatt ma rajna bħalu, bħallikieku ma jista’ jagħmel xejn ħażin u li issa jista’ jirbaħ maġġoranza ta’ żewġ terzi u jsir dittatur. 

Iżda hemm min hu setgħan aktar minn Joseph Muscat.

Silvio Debono lil Joseph Muscat għamlu l-ilsir tiegħu. 

Araw naqra l-istituzzjonijiet tal-istat Joseph Muscat f’liema stat ġabhom.

Bl-istrateġiji kollha tiegħu, il-ħażen ta’ Joseph Muscat jisfa’ fix-xejn ħdejn dak ta’ Silvio Debono, persuna li issa anki lil tal-PN ġabhom jieklu minn idejh. 

M’hux ta’ b’xejn hemm min hu konvint li teżisti setgħa ferm akbar mis-setgħa li bħalissa hemm wara t-tron ta’ Muscat. 

Dawk il-membri tal-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar li vvotaw kontra l-proġett kienu qishom dawk il-ġurati f’ġuri kapitali li jiddeċiedu li ma jkunux unanimi fil-kundanna tal-akkużat biex ma jkunx hemm min ifettillu jpattihielhom. 

Iżda fl-aħħar mill-aħħar, il-pupazz jiċċaqlaq skond kif jiġbed l-ispag l-imgħallem.

Illum xi ħadd jinsab mifqugħ bid-daħk.