Ir-rapport ta’ dak li xehed Peter Grech fil-kawża li għamel kontrih Adrian Delia talli dan ċaħħdu minn kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant huwa wieħed kontroversjali u jaħraq.
Ilni li tlift il-paċenzja bid-djufija u l-ġjufija ta’ Peter Grech. Iżda tal-lum kienet waħda speċjali.
Fuq il-pedana tax-xhieda kien qiesu bużullieqa hu u jipprova jiġġustifika l-ġudizzji tiegħu.
Il-kwistjoni fundamentali mhix daqstant dwar il-fatt li Peter Grech ċaħħad lill-Kap tal-Oppożizzjoni minn kopja sħiħa tal-inkjesta Egrant iżda aktar dwar il-fatt li ddeċieda li jgħaddi kopja lill-Prim Ministru.
Skond rapport imxandar fit-Times of Malta: “Dr Grech spjega li meta għadda kopja sħiħa tal-inkjesta lill-Prim Ministru, l-ogħla kunsiderazzjoni tiegħu kienet li dan kien rabat il-futur politiku tiegħu mar-riżultat tal-inkjesta.”
Din l-istqarrija ma kienet xejn ħlief ammissjoni pubblika ċara li d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali ma kinitx imsejsa fuq kriterji legali jew kriterji ta’ ordni pubbliku jew ta’ tfittxija tal-ġustizzja jew tal-interess nazzjonali, iżda biss fuq l-interessi politiċi ta’ Joseph Muscat.
Politikament u personalment Joseph Muscat, miskin, kellu ħafna x’jitlef. U fid-diskrezzjoni li tagħtih il-liġi, Peter Grech deherlu li kellu jgħaddi lil Joseph Muscat dokument li, skond Peter Grech stess, Peter Grech kien għadu ma qarax.
Eventwalment ċaħħad lil ħaddieħor milli jaqra’ d-dokument bl-iskuża li kien hemm informazzjoni kunfidenzjali dwar terzi persuni. Iżda ma kellu ebda skrupli simili fejn jidħol il-Prim Ministru.
Min jiddeċiedi b’dan il-mod juri li għalih il-Prim Ministru huwa l-imgħallem tiegħu u mhux persuna li hu suġġett għal-liġijiet daqs ħaddieħor.
Meta ġie biex jiddeċiedi, l-Avukat Ġenerali ma messux ikkunsidra l-effetti politiċi li jista’ jkun hemm fuq Joseph Muscat. Kif wieħed jistenna u jittama li messha kienet kunsiderazzjoni irrelevanti fil-ġudizzji li waslu għalihom Aaron Bugeja, Lawrence Cutajar, Kenneth Farrugia u dawk kollha li għandhom xi responsabbiltà li jieħdu deċiżjonijiet mingħajr biża’ u favuri lejn ħadd, inkluż Joseph Muscat.
Imbagħad kien hemm l-informazzjoni l-oħra li xandar illum Peter Grech li tkompli tħawwad il-borma tbaqbaq li l-pajjiż sab ruħu fiha grazzi għall-ħniżrijiet tal-klikka li ħatfet taħt idejha l-istituzzjonijiet ta’ dan il-pajjiż.
Qal li l-Ministru tal-Ġustizzja ordnalu biex igħaddilu dokument sigriet u ssiġillat li ma kellux dritt li jarah għaliex, apparti l-fatt li hu l-ministru ta’ fuqu, hu wkoll l-avukat personali ta’ Joseph Muscat li, minn naħa tiegħu, mhux biss huwa s-suġġett ta’ dawk id-dokumenti iżda wkoll l-imgħallem tiegħu.
Dawn in-nies jaslu għal kollox u għalihom il-fruntieri ma jeżistux. Il-Ministru tal-Ġustizzja, li skond il-liġi suppost qiegħed hemm biex jara li ma jkun hemm xejn li jista’ jfixkel il-kors tal-ġustizzja u li din tiġi eżerċitata b’imparzjalità sħiħa, f’radda ta’ salib – waqt li għadu ministru – isir l-avukat ta’ persuni li huma suġġetti ta’ inkjesta dwar atti kriminali.
Jien il-Ministru tiegħek, iżda jien ukoll l-avukat tal-persuni li int, bħala Avukat Ġenerali, trid tiddeċiedi b’mod ħieles jekk għandhomx ikunu mħarrka jew għandhiex tissokta l-investigazzjoni.
Imma dawn x’affarijiet huma? Peter Grech huwa bniedem verament bla sinsla. Li kieku kellu farka rispett lejn il-kariga li jokkupa, lil Owen Bonnici kien mill-ewwel jibgħatu jsaqqi l-ħass.
Li kieku kien tal-affari tiegħu, lill-Prim Ministru kien messu qallu biex ma jgħaġġilx u, anki jekk Joseph Muscat kellu seba’ mitt sena biex ixandar il-fatt li ngħata l-assoluzzjoni, seta’ biss jagħmel dan wara li l-Avukat Ġenerali ikollu ż-żmien kollu biex jaqra’ r-rapport tal-inkjesta u, bil-galbu kollu, jiddeċiedi għandhiex tittieħed azzjoni ulterjuri.
Iżda Peter Grech qiesu biċċa għaġina f’idejn il-Ministru tiegħu u l-prim ministru tal-ministru tiegħu. Għandi ngħid li jaf li hu biċċa għaġina għaliex m’għandux is-sinsla li għandu bżonn biex ikun jista’ jerfa’ r-responsabbiltajiet li ttiħ il-kostituzzjoni mingħajr il-biża’ ta’ xi vendikazzjoni minnn naħa ta’ Joseph Muscat.
Madankollu jħossu b’saħħtu biżżejjed biex iċaħħad lil Adrian Delia dak li ta lil Joseph Muscat f’ħakka t’għajn.