X’aktarx li min ma jkollux argumenti u raġunijiet x’joffri jispiċċa biex jirrikorri għall-banalitajiet.

It-trolls tas-soltu ħarġu bi ħġarhom biex jikkummentaw dwar ir-rikors kostituzzjonali li ppreżentajt fil-qorti ‘l bieraħ li fih sostnejt li t-tneħħija ta’ protesta minn misraħ l-Assedju l-Kbir minn aġenzija tal-gvern tammonta għal ċaħda tal-libertà tal-kelma.

L-iskuża li ilha tinġieb li “dan huwa monument nazzjonali li hu ta’ kulħadd” u mhux biss ta’ dawk li jixgħelu x-xemgħat lil Daphne, issa ġġenġlet. Issa ħadd ma jista’ jibqa’ joħroġ igħajjat “u ajma, għaliex ma tersqux naqra lejn il-ġnub” speċjalment wara l-ammissjoni diretta ta’ Owen Bonnici u n-nies ta’ taħtu li kien bis-saħħa tiegħu li ġiet ordnata t-tneħħija. 

Wara kollox, lill-mafkar tal-Assedju l-Kbir għattewh bl-iskuża li l-irħam kellu bżonn ta’ nofs ta’ nhar tindifa broxk bl-aċtu u madwar xahar ta’ kenn mix-xemx. Issa l-ħaddiema tat-tindif qegħdin jintbagħtu biex ineħħu l-fjuri u x-xemgħat minkejja l-fatt li dawn qed jitqiegħdu ‘l barra sew mill-għata tal-mafkar. 

U allura t-trolls issa qed igħidu li jekk il-qorti tagħti sentenza fis-sens li l-kostituzzjoni tħares id-dritt taċ-ċittadini li jipprotestaw kontra l-gvern u li l-gvern m’għandux dritt iwaqqafhom, huma wkoll jkollhom id-dritt li jipprotestaw talli – per eżempju – mitilhom il-kelb jew biex ifakkru l-memorja ta’ bużnannuhom li miet xurban f’qasir il-għomor. 

Speċi ta’: jekk għandek dritt int, jien m’għandix dritt ukoll?

Iva, ċertament għandek id-dritt kollu li tilgħabha tal-iblaħ meta tonqos li tiddistingwi bejn protesta politika u ċajta goffa.  Din tixbaħ l-istorja ta’ dak l-imħallef Amerikan li kien qal li għalkemm ma kellux il-ħila jfisser x’inhi l-pornografija, jagħrafha mill-ewwel malli jaraha. Protesta politika m’għandix il-ħila nfissirha, iżda nagħrafha malli niġi wiċċ imb’wiċċ magħha.      

Madankollu t-trolls għandhom raġun fuq ħaġa waħda. Il-protesta li ssir f’misraħ l-Assedju l-Kbir m’hix l-estensjoni ta’ funeral. Il-vistu huwa kwistjoni privata u mal-mogħdija taż-żmien jinbidel f’memorja u l-ħajja ta’ kuljum tissokta. Iżda protesta kontra l-inġustizzja tilħaq il-qofol tagħha biss meta ssir il-ġustizzja. U jekk il-ġustizzja tibqa’ ma ssirx, jeħtieġ li nibqgħu ninsistu li ssir.  

Issa jekk int jidhirlek li għandek titlob li ssir ġustizzja għax mietlek il-kelb jew bużnannuk f’qasir il-għomor, good luck to you.

Il-banalitajiet ma jnaqqsu xejn mill-argument favur il-libertà tal-kelma aktar u aktar meta l-kelma tkun kollox ħlief banali. 

Il-kwistjoni saħansitra anki Saviour Balzan fehemha. Issa jekk hawn xi ħadd li lil Daphne Caruana Galizia ma kien jaraha ħelwa xejn huwa proprju hu. Kif x’aktarx ma jarax ħelwin lil dawk kollha li jixgħelulha x-xemgħat.  

Iżda huwa fehem li meta l-istat jipprova joħnoq protesta,  jkun qiegħed joħloq preċedent perikoluż li mbagħad ikun jista’ jiġi applikat għal protesti oħrajn li forsi jista’ jkollu l-ħajra jieħu sehem fihom hu. Jekk l-istat joħnoq il-protesti ta’ dawk li ma jaqbilx magħhom, jista’ wkoll joħnoq il-protesti ta’ dawk li magħhom jara għajn m’għajn. 

Naqbel mija fil-mija.

Għatu daqqa t’għajn lejn dan l-artiklu ta’ Carmelo Mifsud Bonnici. Id-deputat tal-PN huwa ħaġa waħda ma’ Adrian Delia u mat-tmexxija tal-PN li t-tnejn żammew lura milli jkunu spalla ma’ spalla mas-segwaċi ta’ Daphne. Iżda l-espożizzjoni fil-blogpost tiegħu ma tistax tkun aktar ċara: id-demokrazija ma teżistix meta l-istat juża s-setgħa tiegħu biex joħnoq il-protesti.

Il-PN stess sejjaħ l-istqarrijiet pubbliċi ta’ Owen Bonnici bħala ksur mill-aktar gravi tad-drittijiet fundamentali. Il-PN hawn m’huwiex ifittex li jħares id-drittjiet tiegħu iżda dawk tal-protestanti.  

Għalkemm ma jsemmix il-protesti ta’ misraħ l-Assedju l-Kbir direttament, il-kunsillier Laburista Desmond Zammit Marmarà huwa mħasseb bl-istmerrija tal-gvern fil-konfront tas-soċjetà ċivili. Huwa espriema n-nuqqas ta’ qbil tiegħu mal-mod kif il-gvern irrombla fuq il-fehmiet ta’ kulħadd fil-kwistjoni tal-proġett ta’ db fuq l-art tal-ITS u jsejħilha “demokrazija perversa”. Ma setax ikun aktar ċar fi kliemu.  

Ir-raġunament mhuwiex wieħed kumplikat. Din l-arja kollha tal-gvern bl-awtorità kollha li għandu hi perikoluża minnha nnifisha u, hi x’inhi l-fehma tiegħek dwar kwistjonijiet speċifiċi, dawk kollha li għandhom il-qalbhom id-demokrazija tagħna qed jindunaw x’inhu jiġri f’Malta u qed jiġu xprunati biex jieħdu azzjoni. 

Il-kritika bil-miftuħ ta’ Desmond Zammit Marmarà lill-partit tiegħu m’hi xejn ħlief att ta’ kuraġġ u ta’ konsistenza. Kif ukoll hi kuraġġjuża u konsistenti d-deċiżjoni tal-PN li jikkritika apertament l-azzjoni tal-gvern li joħnoq il-libertà tal-kelma. Daqstant ieħor li kuraġġjuża u konsistenti l-kritika ta’ Saviour Balzan li, mil-lat tattiku, l-azzjonijiet tal-gvern m’humiex biss stupidi — sa hawn biss għandu l-ħila li jasal Mark Camilleri — iżda wkoll ta’ min jistmerrhom.

Id-deċiżjoni tiegħi li nħarrek lill-gvern fil-qorti m’hi xejn ħlief konsistenti mal-fehmiet ta’ dawk li magħhom is-soltu ma narax għajn m’għajn: jiġifieri li hemm drittijiet fundamentali li ebda gvern m’għandu l-jedd li jikser u li jekk il-gvern jonios li jrażżan lilu nnifsu u joqgħod għal dak li tgħid il-kostituzzjoni, allura jkun dmir kulħadd li jitkellem u jirreżisti.

Is-skiet jistieden it-twelid tal-banalitajiet u tal-baħnanati. U jistieden lill-gvern biex ikompli jabbuża u hu jikkonsolida postu fuq it-tron tas-setgħa.