Irrabjajt jien u naqra’ l-istorja mxandra fuq il-paġna ta’ quddiem tal-ġurnal Illum dwar Felix Cini, is-saċerdot kundannat mill-qorti fuq abbuż mit-tfal li ngħatalu permess jiċċelebra l-Quddiesa f’Bormla “f’okkażjonijiet speċjali”. Meta taqra’ l-kontenut tar-rapport fil-ġurnal, tieħu impressjoni totalment differenti. Il-ġurnal jisfida lil Felix Cini u l-attentat tiegħu biex jipprova jiġġustifika ruħu ma kkonvinċa lil ħadd, wisq inqas lil min kiteb ir-rapport.
Madankollu d-diżinn tal-ewwel paġna tal-ġurnal seta’ sar minn Felix Cini stess għax il-kwotazzjonijiet minn dak li stqarr huma l-linja ta’ difiża tiegħu. Dan qal li l-abbuż kollu kien jikkonsisti f'”taptip fuq spallejn it-tfal” u għal dan ġie kundannat sentejn u nofs ħabs.
Nagħmluha ċara: ħadd ma jiġi kundannat għal abbuż mit-tfal dan kollu għax itaptpilhom fuq spallejhom. U dawk is-saċerdoti li jtaptpu fuq spallejn it-tfal ma jintbagħtux mill-Knisja f’monasteru fejn tingħata l-kura kontra l-“perverżjonijiet sesswali”.
Iżda l-aktar titlu li dejjaqni kien dak fejn Illum igħid li ma kienx irnexxielu jħajjar lill-vittmi ta’ Felix Cini biex jitkellmu dwar dak li għaddew minnu u skantajt meta l-ġurnal sejjaħ lil din is-sitwazzjoni bħala “omertà assoluta”.
Jidher li l-ġurnal Illum il-kelma omertà ma jafx xi tfisser. Kien hemm 17 il-ruħ, li dak iż-żmien kellhom bejn 10 sa 14 il-sena, li xehdu quddiem il-prosekuturi dwar l-abbużi li saru fuqhom. Dan huwa l-oppost ta’ omertà. Omertà hi s-skiet ta’ xhieda li jkunu kompliċi mal-kriminali għax jibżgħu jikxfuhom.
Dawn it-tfal ma kinux obbligati li jixhdu għaliex, apparti l-fatt li kienu lkoll xhieda, kienu wkoll il-vittmi. Iżda xehdu xorta waħda.
Ħmistax il-sena wara, aktar u aktar m’humiex obbligati li jwieġbu għall-mistoqsijiet ta’ Illum dwar dak li għaddew minnu f’żogħżithom issa li Felix Cini jinsab f’pożizzjoni li juża l-influwenza tiegħu mal-istampa biex jagħti intervisti fuq il-paġni ta’ quddiem tal-ġurnali Maltin biex jitkellem dwar l-innoċenza tiegħu.
In-nies jeħtieġ li jifhmu li din mhix xi kwistjoni dwar nuqqas ta’ qbil. Fuq naħa hemm persuna li ġie kundannata mill-qorti dwar abbużi fuq it-tfal u li kien ammetta li wettaq l-abbużi meta xehdu kontrih 17-il-xhud. U fuq in-naħa l-oħra hemm il-vittmi li ġew abbużati meta “ttaptpulhom spellejhom”.
Araw ftit x’wiċċ irid ikollu biex jidher fuq il-paġna ta’ quddiem liebes ta’ saċerdot ċelebrant bħallikieku ma kienx hu stess li kien ammetta li wettaq abbużi fuq it-tfal, li kien ġie kundannat mill-qorti, li kien ġie miżmum għal għomru milli jieħu ħsieb it-tfal, li kien ġie miżmum għal xi żmien li jagħmilha ta’ saċerdot, li kien intbagħat f’istituzzjoni tal-Knisja biex jipprova “jfiq mill-omossesswalità u minn perverżjonijiet oħra” u li sal-lum għadu miżmum milli jiċċelebra l-Quddies ħlief “f’okkażjonijiet speċjali” biss.
Dan il-bniedem kien juża s-setgħa u l-kuntatti li kellu u kien juża l-influwenza u s-saċerdozju tiegħu biex jabbuża mit-tfal u issa qed jipprova jġiegħlna nikkumpatuh billi jpinġi lilu nnifsu bħala l-vittma.
Nirrispetta l-fatt li tal-Illum kienu determinati li jisimgħu iż-żewġt iqniepen. Iżda dan ma taffa xejn mir-rabja li ħassejt.