Saret konswetudni għal tal-Malta Today li darba fix-xahar iniedu sondaġġ dwar il-popolarità tal-partiti u tal-mexxejja politiċi. Madankollu r-riżultat li xxandar illum ma jipprovdi xejn ġdid u r-riżultati fil-konfront ta’ Adrian Delia, li issa ilu sena fit-tmun, baqgħu ma ċċaqilqux.

M’hemmx fejn wieħed jitfixkel. Tnejn minn kull ħames persuni li vvutaw PN fl-aħħar elezzjoni jistqarru li, jekk issi elezzjoni issa, m’hux bi ħsiebhom jivvutaw PN. Wieħed minn dawn it-tnejn igħid li mhux bi ħsiebu jivvota. L-ieħor għadu mhux ċert jew jispiċċa jivvota Labour jew għall-Partit Demokratiku. Lanqas it-telfa tal-2017 ma tidher li hi mira li tista’ tintleħaq.

L-apoloġisti jgħidulna li, fix-xenarju politiku, ġimgħa hi medda ta’ żmien li hi twila. Hekk hu. U sena hi ħafna itwal. U dawn ir-riżultati baqgħu ma ċċaqilqux għal sena sħiħa.

Hemm ukoll is-sondaġġi dwar il-fiduċja fil-mexxej. Sitta minn kull għaxar persuni li vvutaw għall-PN lil Adrian Delia ma jafdawħx. U l-biċċa l-kbira minnhom ma jafdaw lil ħadd. Wieħed minnhom jafda lil Joseph Muscat.

Minkejja l-fatt li Adrian Delia attenda għal kull festa tul dan is-sajf, jidher li għadu qed jagħżaq fl-ilma mal-votanti tal-partit tiegħu. Ma’ dawk li vvutaw Labour fl-elezzjoni li għaddiet u ma dawk li ma vvutawx bilkemm jissemma’.

X’għandu xi jgħid għal dan il-PN? Jidher li r-rimedju li qed joffru m’huma jaraw xejn ħażin fih.