Stqarrija ta’ #occupyjustice u manueldelia.com
Il-governanza ħażina tolqotna lkoll. Il-korruzzjoni tolqotna lkoll.
L-allokazzjoni t’art pubblika prezzjuża għal prezz assurd lill-Grupp dB, il-permess biex jibnu torri mostruż, id-disprezz lir-residenti u lil dawk li pprotestaw jiġu minn governanza ħażina u korruzzjoni. In-nies hi ġustament irrabjata.
Is-segretezza u l-ħabi fl-infieq pubbliku huma ħżiena u jaħbu nfieq mhux ġustidikat li jħallas għalih il-pubbliku. Il-Ministru Chris Cardona jrid jaħbi kemm iħallas lill-konsulenti tiegħu. Ħeba kemm nefaq jixrob mill-kmamar tal-lukandi fejn kien għal xogħol tal-gvern. Ħeba l-ġiti fil-weekends lejn bliet tal-Formula One u għadu jaħbi għalfejn mar. Għadu jaħbi x’jagħmel biex jiddeverti fl-għaxija meta jkun imsiefer fuq xogħol tal-gvern. In-nies hi ġustament irrabjata.
L-impunita’ mill-prosekuzzjoni tal-politiċi li nqabbdu fil-fatt tassigura li pajjiżna jitmexxa mid-delinkwenti. Konrad Mizzi għadu jidħaq għax ħadd ma saqsih għalfejn iffirma biex jirċievi miljuni f’kumpanija sigrieta fil-Panama li waqqaf malli laħaq Ministru. Keith Schembri qas qatt ipprova jispjega għalfejn 17 Black kienet se tħallsu ta’ xejn. In-nies hi ġustament irribajata.
Il-qliegħ mill-kriminalita’ ħammeġ isem pajjiżna tant li meta Edward Scicluna jaqbad taksi fl-Amerka t’Isfel ix-xufier jassumi li hu korrott. Inbiegħu iċ-ċittadinanza tagħna lill-ħallelin imfittxija jew kastigati minn gvernijiet oħrajn u ospitajna magni tal-ħasil tal-flus għall-Cosa Nostra u l-Indrangeta. Il-portijiet tagħha jintużaw biex jaħżnu ż-żjut misruqa u l-awtoritajiet jibqgħu jħarsu. U negozji onesti qed jitgerrxu minn Malta. In-nies hi ġustament irrabjata.
Min joġġezzjona jew jipprotesta hu injorat jew ċensurat. Il-gvern iħoss li għandu mano libera biex ixejjen lil kull ħaġa jew kull min jiqaflu. Il-gvern jassumi li dawk li joġġezzjonaw huma ftit, bla tmexxijja, mifruda u mbeżża’. Dawk li għadhom ma ntlaqtux ħażin mid-deċiżjonijiet tal-gvern jibżgħu li għada se jdur għalihom. In-nies hi ġustament irrabjata.
Ġurnalista nqatlet f’karozza bomba sena ilu. Uffiċjali għolja tal-gvern esprimew sodisfazzjon li mietet u l-gvern irażżan l-investigazzjonijiet biex jassigura li min qabbad lil dawk li qatluha jibqgħu liberi. In-nies hi ġustament irrabjata.
Nesiġu verita’ u ġustizzja. Nitolbukom isseħbuna fil-Manifestazzjoni għall-Verita’ u l-Ġustizzja, nhar il-Ħadd 14 ta’ Ottubru, 2018. Tluq minn quddiem is-Suq tal-Belt Valletta. Il-kelliema fil-manifestazzjoni jitħabbru dalwaqt.