Bil-mod il-mod, bosta huma dawk li qed jintebħu dwar kemm kienet gravi l-istqarrija li għamel Peter Grech meta kixef il-fatt li Owen Bonnici għadu jaħdem bħala avukat fl-istess żmien li qiegħed jiffunzjona bħala ministru. Ir-regolament li jipprojbixxi lill-ministri milli jaħdmu fil-professjoni tagħhom ma sarx biex iġiegħlhom jillimitaw fuq id-dħul finanzjarju tagħhom jew biex jassikura li dawn ikunu għad-dispożizzjoni tal-prim ministru f’kull ħin tal-ġurnata.

Hawn min qed jissoponi li lil Peter Grech, Owen Bonnici ċempillu xi sigħat wara li tlesta r-rapport tal-inkjesta dwar Egrant u li din kienet l-ewwel darba li stqarr miegħu li kien l-avukat privat tal-koppja li kienet is-suġġett tal-inkjesta. Iżda mill-mod kif inkixef Owen Bonnici, hekk kif Peter Grech kellu jiġi mkaxkar għal fuq il-pedana tax-xhieda biex jixhed bil-ġurament, jidher ċar li l-istorja hi ħafna akbar milli wieħed jista’ jaħseb. 

Hu minn ewl id-dinja li wieħed jassumi li Owen Bonnici aġixxa bħala l-avukat privat ta’ Joseph u Michelle Muscat minn kemm ilha li bdiet l-inkjesta. Li hu nħatar bħala Ministru tal-Ġustizzja għar-raġuni li hu l-avukat privat tagħhom u li ilu jieħu ħsieb l-interessi personali tagħhom mill-iskrivanija tiegħu fil-Ministeru tal-Ġustizzja mill-bidu tal-inkjesta ‘l hawn.  

Hu wkoll minn ewl id-dinja li wieħed jassumi li, għax f’idejh hemm il-mazz tal-interessi personali u politiċi tiegħu, ilu jikkomunika ma’ impjegati tal-Qorti, ma’ uffiċjali tar-reġistru, mar-reġistraturi tal-qorti u anki mal-maġistrat innifsu. 

Tajjeb li wieħed ixejjer il-bandiera tal-integrità meta jirreferi għall-maġistrati u għall-uffiċjali tal-qorti. Iżda r-raġuni vera li l-liġijiet tagħna jħarsu lill-maġistrati u l-uffiċjali tal-qorti mill-indħil teżisti minħabba l-fatt li la huwa biżżejjed u lanqas huwa ġust li wieħed iserraħ biss fuq l-integrità individwali għaliex dawn huma wkoll nies tad-demm u l-laħam u, jridu jew ma jridux, jistgħu ikunu soġġetti għal pressjonijiet, indħil u mħajra b’inċentivi mill-gvern.

F’dan il-każ iżda, il-gvern -jiġifieri Owen Bonnici – huwa l-avukat ta’ dik il-koppja li suppost qed tiġi nvestigata u fl-istess waqt bid-dmir li jgħarbel għandux ikun hemm azzjoni ulterjuri kontrihom skond il-liġi.

Mingħajr dubju l-politiku Owen Bonnici ma jistax jitqies bħala persuna newtrali f’din il-kwistjoni. Iżda Owen Bonnici, bħala l-avukat personali tal-koppja Muscat, huwa fid-dmir li jipprova jakkwista għall-klijenti tiegħu l-aħjar riżultat.   

Mhux kollox iħoll u jorbot fuq l-inkjesta l-Egrant. Peter Grech, b’ġenerożità liema bħalha, rrikonoxxa li Joseph Muscat kien rabat il-futur politiku tiegħu mar-riżultat tal-inkjesta. Iżda għaliex mal-inkjesta Egrant biss? Jekk mill-inkjesti dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi se jirriżulta li Joseph Muscat ilu jipproteġihom u jżommhom fis-setgħa minkejja s-suspetti fondati dwar l-aġir illegali tagħhom, Joseph Muscat jista’ jibqagħlu futur politiku?

Forsi hawn min jaħseb li Owen Bonnici ma kompliex jassisti lil Joseph Muscat bħala avukat wara li dan ingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-inkjesta mingħand Peter Grech. Ikun ta’ sebgħu f’ħalqu min jaħseb b’dan il-mod.

Huwa aktar minn ewl id-dinja li wieħed jassumi li għadu sal-lum l-avukat ta’ Joseph Muscat u li mill-Ministeru tal-Ġustizzja, Owen Bonnici, qed jara kif jagħmel biex il-klijent tiegħu jgħaddiha lixxa u ma ssirlux ħsara politika. 

Meta nqabbdu l-ministri, aħna nkunu qiesna l-klijenti tagħhom u nistennew li għandhom dejjem iħarsu l-interessi tagħna. Barra dawk l-okkażjonijiet meta l-klijent iġib l-isem “Joseph Muscat”.