Din mhix xi mistoqsija retorika.

X’inhi ‘l-indipendenza’ għalik?

Hija ċ-ċittadinanza?

Ħares lejn din il-kumpanija Ingliża tbiegħ iċ-ċittadinanza Maltija lil nies li qatt ma rifsu hawn u qatt ma jridu jkunu hawn. Li qatt ma taw kontribut għall-benessere ta’ din il-komunita’ u qatt ma huma beħsiebhom jagħmlu dan. Li jridu jfittxu isem Malta fuq il-mappa l-ewwel darba li jgħaddilhom minn moħħhom li jkunu eredi ta’ wirtek.

Jidher li qed jiġi intensifikat il-PR sabiex jiżdied il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u jkompli t-tnaqqir tal-identita’ tiegħek. Għax trid tifhem li mhumiex l-immigranti u r-residenti barranin f’Malta li jdagħjfu t-tifsira li tkun Malti jew Maltija. Anzi jsaħħuha. Bħalmu għamlu hawn ġenerazzjonijiet ta’ immigranti tul is-sekli. L-Azzopardijiet, l-Abelajiet, il-Camillerijiet, l-Inguanezijiet, il-Micallefijiet, il-Farrugajiet, l-iSpiterijiet, il-Lautierijiet, il-Lenickerijiet u l-Copperfieldijiet: kollha Maltin, xhieda ta’ sekli ta’ immigrazzjoni u arrikkiment tal-identita’ tagħna. Għad jiġu aktar.

Iżda dawk li jkollhom fil-pussess tagħhom passaport Malti bil-ħsieb li jinsatru mill-aġenziji li jinfurzaw il-liġi, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-iskrutinju tal-liġi u tal-oppinjoni pubblika, dawk li qatt mhu ser jimpurthom mill-futur tagħna u li mhuma ser jagħmlu l-ebda sforz biex itejbuh. Aħna l-kolonja tagħhom. L-interessi tagħna huma sekondarji għal tagħhom. Ir-reputazzjoni tagħna hija biss tajba daqs kemm hi tajba tagħhom. 

U ma naċċettax l-argument li jħallsu għall-privileġġ ta’ dak il-passaport. Dik hija l-iskuża klassika kolonjalista. L-Ingliżi bnew it-tarznari u l-kavallieri bnew l-ibliet. Grazzi ħafna imma dan għamluh għalihom infushom.

Ħares lejn Malta indipendenti tiegħek tperreċ id-doni tagħha ġewwa vetrina mixgħula b’dawl aħmar. Hawn fuq l-Express, il-Lonely Planet, The Times ta’ Londra u l-Gulf News tal-Emirati. Issa rrifletti fuq l-indipendenza ta’ Malta.

Il-PN ikkommetta ruħu li jżarma din is-sistema meta u jekk ikun fil-gvern. Tajjeb.

X’inhi ‘l-independenza’ għalik?

Hija territorju?

Ara tiltaqax ma’ Silvio Debono dalgħodu jixxengel wara l-party tal-bieraħ filgħaxija. Hekk kif pajjiżek newwillu skola, spazju miftuħ, bini storiku, art prima u d-dawl tax-xemx u l-arja li r-residenti ta’ Pembroke kienu jgawdu.

Ara kif eluf ta’ oġġezzjonijiet, generazzjonijiet ta’ regoli tal-ippjanar, regolamenti fuq kif wieħed għandu jiddisponi minn propjeta’ pubblika u d-deċenza basika sfaw skjavi tal-kilba u ambizzjoni falza Manhattanita. Ara kif il-protesti ġew injorati and t-tgawdija tal-iktar wirt basiku li poplu jista’ jipppretendi mingħand missirijietu – l-arja, l-art u l-ilma – jista’ jintrema u jikkosma ruħu fuq l-artal tal-poter.

Ara kif ħbiberiji u lealtajiet personali, arranġamenti mhux dikjarati, deals moħbija mill-ħarsa pretensjuża ta’ stat indipendenti isiru d-deċiżjonijiet li jorbtu.

U ma naċċettax l-argument li l-iżvilupp joħloq l-impiegi. Anke l-bażijiet militari għamlu dan u ħadu biċċiet mit-territorju żgħir tagħna biex iservu l-interessi ta’ ħaddieħor. Grazzi ħafna imma dan qed tagħmluh għalikom infuskom u l-prezz li qed tħallsu ma joqrob xejn lejn dak li kwalunkwe wieħed minna kien ikollu jħallas biex jagħmel dak li qed tagħmlu intom.

Xinhi ‘l-independenza’ għalik?

Hija l-ħelsien?

Ara kif ritratt fl-art, għoxrin xema’ u sitt bukketti fjuri jitqiesu bħala żibel. Ara kif il-gvern jargumenta li anke li wieħed jokkupa mqar metru kwadru ta’ spazju pubbliku, li s-soltu ma jintużax, ma jistax ikun lok ta’ protest silenzjuż u paċifiku. Ara kif il-kelma tinħonoq, laqgħat paċifiċi jiġu mxekkla u kif smigħ ġust fil-qorti huwa miċħud hekk kif il-gvern jgħaġġel jaġġixxi qabel isegwi deċiżjoni tal-qorti biex jispjega l-aġir tiegħu. 

Ara kif ġurnalista li kitbet b’mod kritiku dwar il-sidien li jiggvernaw spiċċat mejta. U ara kif dawk li jfakkruha jiġu ttimbrati bħala tradituri.

U ma naċċettax l-argument li l-gvern jiġi elett minn nies tal-post. Il-kolonjalisti jagħtu s-‘self-government’ kull fejn iridu jikkuntentaw lill-poplu u jġagħluh jemmen li hu awtonomu, filwaqt li jżommu f’idejhom il-mezzi biex jibilgħu r-riżorsi li jkollha l-kolonja u jistgħanew huma. 

Xinhi ‘l-independenza’ għalik?

Hija xi ħaġa minn dan kollu?