Owen Bonnici lbieraħ kważi qabdu orgażmu bl-ewforija għax jien irtirajt it-talba biex tinħareġ twissija ġudizzjarja li twaqqfu milli jiċċensura l-protesta quddiem il-Qrati. Naturalment Bonnici jaqra l-ġurnali u jaf li fl-istess ħin jien ftaħt kawża kostituzzjonali li fiha qed nargumenta li hu kiser id-drittijiet kostituzzjonali li jħarsu l-libertà tal-espressjoni. Joseph u Michelle Muscat huma klijenti tal-prattika privata tiegħu u allura Bonnici messu jaf li t-talba tiegħi għal twissija ġudizzjarja ma baqgħetx tagħmel sens fil-mument li hu injora l-ordni tal-qorti li jispjega x’kien qed jagħmel u minflok, reġa’ ordna li l-protesta tiġi ċċensurata.
Imma x’jimporta li tigdeb naqra meta tkun qed tagħmel minn kollox biex toħnoq il-verità?
Naturalment, it-trolls tal-Labour kienu pronti joħorġu jgħajruni beżżiegħ kull fejn tħares fuq Facebook. Araw ftit din ħalli titbissmu naqra.
Beżżiegħ, eh? U mela.
Forsi dawk li jimmanipulaw it-trolls issa messhom jitkellmu naqra mal-akbar bully Owen Bonnici – li jagħti l-ordnijiet lil ħaddieħor biex ineħħi x-xemgħat u l-fjuri fis-satra tal-lejl – ħalli jiskopru għaliex kulħadd minbarra hu huwa beżżiegħ.
Jistgħu jiddiskutu miegħu kif jista’ qatt ikun aċċettabbli li Ministru tal-Ġustizzja jċempel lill-Avukat Ġenerali u jintroduċi lilu nnifsu bħala avukat ta’ klijenti privati fi prattika privata. Imbagħad jistaqsu lilhom infushom min verament huwa l-akbar beżżiegħ.