Konrad Mizzi lmenta li qed iseħħ “attakk ko-ordinat” kontrih. Li kont floku ma kontx nuża l-kelma “attakk” – iżda ċertament teżisti ko-ordinazzjoni. U mn’Alla li hu hekk.
F’dawn l-aħħar ġranet kont Londra fejn attendejt għal konferenza li matulha ddiskutejt ma’ ġurnalisti oħrajn l-impatt tal-ġurnaliżmu li jittratta dwar dak li jseħħ lil hinn mill-konfini ta’ xi pajjiż partikolari. Il-‘korrispondenti barranin’ ilhom magħna sa mill-bidu tal-gwerra tal-Krimeja u għal żmien twil ġurnalisti minn diversi pajjiżi ħadmu flimkien biex lis-semmiegħa jew lill-qarrejja ta’ pajjiż iwasslulhom aħbarijiet minn pajjiżi oħrajn.
Dan l-arranġament m’għadux igħodd għar-realtajiet tas-seklu li ninsabu fih.
X’inhuma dawn ir-realtajiet u x’inhu dak li l-aktar li jħassibni dwarhom? Ir-realtà li għandna ma’ wiċċna hi li l-kriminalità m’għandhiex fruntieri u għandha l-ħila li tgħatti xturha f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħasil tal-flus.
Il-konfoffa kriminali u korrotta tas-17 Black hi eżempju ċar ta’ dan.
Aħsbu ftit dwar kif dawk li huma l-imħuħ wara din l-istorja għamlu minn kollox biex ma jinkixfux. Mill-Panama sad-Dubaj, minn Baku sa Malta, minn Riga sa Washington, dawn bnew strutturi li minnhom kellha tgħaddi xmara ta’ flejjes li għandha twassal biex kull familja Maltija tinsteraq u tinstelaħ ħajja fil-ħlas tal-kontijiet tal-enerġija għall-għoxrin sena li jmiss.
X’aktarx li din hi l-akbar serqa fid-dawl tax-xemx li qatt saret f’Malta. Minn fuq, dawk li se jisirquna ħajjin fuq kull kont tad-dawl li se nirċievu għall-għoxrin sena li ġejjin, minn għandna jippretendu ċ-ċapċip.
Daphne Caruana Galizia kienet xammithom mill-bidu nett. U l-intuwizzjoni leġġendarja li kellha kienet xegħlet meta tfaċċaw ritratti ta’ dik il-famuża laqgħa f’Baku fejn Joseph Muscat, frisk frisk bħala Prim Ministru, akkumpanjat kif kien minn Konrad Mizzi, Kurt Farrugia u l-moħħ wara kollox Keith Schembri, sab ruħu wiċċ imb’wiċċ ma’ Ilham Aliyev.
Tant kienu ħbew kollox b’galbu liema bħalu li, weħidha, Daphne Caruana Galizia ma kellhiex il-ħila tiġbor il-provi kollha. Spiċċat inqatlet hi u tirsisti biex tikxef il-borom kollha. U kellha tkun il-ħila ta’ ġurnalisti minn 17 il-organizzazzjoni tal-aħbarijiet minn madwar id-dinja kif ukoll dik tal-ġurnalist bravu u assidwu Jacob Borg tat-Times of Malta biex issa inkixfu aktar provi b’żjieda ma’ dawk li kienet diġà kixfet Daphne Caruana Galizia.
Kien jonqos biss li jinkixef l-isem tas-sid ta’ 17 Black. Dwar il-power station, kienet ilha għaddejja l-ispekulazzjoni dwar il-Maltin li kienu mdaħħlin. U kellu jkun ġurnalist tar-Reuters b’rabtiet mal-qasam bankarju fid-Dubaj li spiċċa biex ressaq il-boċċa tal-korruzzjoni qrib il-likk għal The Daphne Project.
Issa nafu min kien dak li ntrabat li jħallas lil xi ħaddieħor u l-ammont li tħallas.
Dawn ħolqu sistema sofistikata – li l-biċċa ‘l kbira minnha nbniet bi flusek – li tant hi komplikata li diffiċli li wieħed isib tarfha u hi kważi mpossibbli li wieħed jippruvaha. Madankollu r-realtà essenzjali qiegħda hemm: l-immaġni ta’ flejjes imħollija fuq l-iskrivanija ta’ Ministru għal skopijiet ta’ tixħim biex imbagħad min ixaħħam jirċievi l-premju fil-forma ta’ kuntratt tal-gvern.
U ġaladarba Konrad Mizzi u Keith Schembri xorta waħda baqgħu ggranfati mas-setgħa meta l-Panama Papers kienu tawna stampa ċara mhux ħażin dwar x’kienu ħawdu dawn iż-żewġ galantomi fil-borma, kien jeħtieġ li jsir sforz ko-ordinat biex il-verità tkompli titla’ fil-wiċċ.
L-investigazzjoni għadha għaddejja u dan għadu biss il-bidu, Sur Konrad Mizzi.
Il-fatt li Joseph Muscat baqa’ jillużinga minkejja li jaf li l-prezz politiku li għad jiġi mġiegħel iħallas huwa wieħed għoli, jkompli jsaħħaħ il-perċezzjoni f’moħħ kulħadd li huwa mdaħħal ukoll direttament f’din il-ħadma.
Meta l-Maġistrat Aaron Bugeja kien qed jipprova jsib tarf tal-kwistjoni dwar jekk Joseph Muscat kienx ġie mxaħħam mill-Ażerbajġan, huwa ma kellu xejn mill-kuntatti siewja li tar-Reuters għandhom fid-Dubaj. Ftit huma dawk li kienu fehmu li fl-inkjesta li għamel, il-Maġistrat Bugeja ma seta’ qatt jagħmilha ta’ investigatur u li, jekk ma jinġibulux il-provi, ma kellux għodda f’idejh biex ikun jista’ jfittixhom, aktar u aktar jekk dawn il-provi ġew mistura minnu apposta.
Jista’ jagħti l-każ li provi oħra li l-kriminali ħbew madwar id-dinja ma nkixfux kollha. Madankollu dan ma jfissirx li dawn il-provi ma jeżistux.
Wieħed jista’ jifhem għaliex – u hekk għandu jkun – l-attenzjoni bħalissa tinsab fuq Konrad Mizzi u fuq Keith Schembri. L-iskuża li ġabu li l-flus imwiegħda qatt ma kienu rċevewhom hi rrilevanti kemm mil-lat politiku kif ukoll mil-lat legali. Eżatt bħall-omiċidju, it-tixħim – saħansitra anki l-attentat ta’ tixħim – jammonta għal reat kriminali u wieħed jeħel piena anke meta t-tixħim jispiċċa ma jroddlok xejn. U meta t-tixħim ma jroddlok xejn minħabba l-istupidaġni jew minħabba x-xorti ħażina li tkun inqbadt sforz ix-xogħol investigattiv ta’ ġurnalista brava u intelliġenti, dan ma jnaqqas xejn mis-serjetà li wieħed ikun għamel attentat ta’ reat kriminali. Min jiddefendi ruħu billi jgħid li “qatt ma rċieva sold” wieħed jista’ jwieġbu billi jgħidlu li ma jkun irċieva xejn ċertament mhux minħabba l-isforzi li jkun għamel.
Iżda apparti Konrad Mizzi u Keith Schembri, jeħtieġ li nieħdu ħsieb lin-nies tagħna wkoll.
Il-kuntratt dwar l-enerġija li daħlu għalih, li allegatament sar sforz it-tixħim, huwa maħmuġ, vizzjat u serq sfaċċat minn ħalq il-familji Maltin, kemm jekk dawn huma sinjuruni b’appartamenti f’Portomaso (hemm ftit tal-ironija hawn) u kemm jekk il-paga tagħhom jippruvaw iġebbduha kemm jistgħu biex iżommu fil-wiċċ.
Ma tkunx qed tinsteraq b’din il-ħadma jekk int biss wieħed minn dawk li m’għandekx saqaf fuq rasek.
M’hux aċċettabbli li l-familja Fenech ta’ Tumas u sħabhom tal-Ażerbajġan jitħallew jkomplu jibqgħu igawdu minn dan il-proġett. Lanqas huwa aċċettabbli li tas-Siemens jitħallew ikomplu jgawdu. Dawn tal-aħħar ser ikollhom jiffaċċjaw il-konsegwenzi ta’ għemilhom f’pajjiżhom stess. Għax kif spjega David Casa dalgħodu, tkun ħatja ta’ reat kriminali dik id-ditta Ġermaniża li tkun imdaħħla – anki b’mod indirett – f’atti ta’ korruzzjoni li jkunu seħħew x’imkien ieħor fid-dinja.
Il-kuntratt dwar l-enerġija li sar mal-Electrogas jeħtieġ li jiġi annullat minnufih. Jeħtieġ li jkun hemm investigazzjonijiet kriminali u inkjesti politiċi, u dan nibqgħu ninsistu fuqu bħalma ilna ninsitu fuqu matul sentejn sħaħ ta’ tixrid ta’ skużi, gideb sfaċċat u lużingar.
Madankollu jeżistu kumplikazzjonijiet oħra.
Il-famuża ‘roadmap’, li fl-2012 kienu tant għamlu plejtu dwarha, issa jidher ċar li kienet biss konfoffa kriminali maħduma bizzilla u mhux sewwa li uliedna se jiġu mġiegħla jħallsu l-prezz qares tagħha. Mhux ta’ b’xejn li l-power station kienet għammxet l-għajnejn għax tqartset f’karta tlellex bil-għan li xi wħud jispiċċaw igawdu bil-kbir.
Hemm ukoll ħaġ’oħra li jeħtieġ li naraw.
Per eżempju, jeħtieġ li nsiru nafu għaliex fiż-żmien meta Chris Cardona kien sab ruħu dahru mal-ħajt, huwa mar igħix f’appartament f’Portomaso – proprjetà ta’ Tumas – bla ma ħallas kera.
U jeħtieġ li nsiru nafu il-għala il-Portomaso u l-Oracle Casinos – li s-sidien tagħhom huma ta’ Tumas – kienu frekwentati ta’ spiss minn Alfred Degiorgio li allegatament qatel, fuq ordni ta’ xi ħaddieħor, lil Daphne Caruana Galizia. Dan l-aħħar fil-qorti irriżulta li, qabel ġie arrestat, dan kien irriċikla madwar nofs miljun ewro mill-imħatri fuq medda ta’ xhur. Tgħid kien ta’ spiss jilgħab l-imħatri fuq 17 Black?
Daqskemm ukoll jeħtieġ li nifhmu aħjar kif u il-għala Nunzio Laganà kien jagħmel użu mill-Portomaso Casino għal-logħob tal-poker li huwa suspettat li kien isir biex jinħaslu flus għal Cosa Nostra. Nunzio Laganà huwa sieħeb fin-negozju ma’ Vincenzo Romeo, negozjant Taljan li ssemma’ b’rabta mal-iffy gaming f’Malta u li jiġi wkoll in-neputi ta’ Nitto Santapaola, persuna li jingħad li hu l-viċi tal-kap tal-Mafja fi Sqallija.
X’aktarx li Konrad Mizzi u Keith Schembri – kif ukoll Joseph Muscat – se jkunu moħħom mistrieħ li Lawrence Cutajar mhux se jażżarda jkellimhom. U ara taħsbu li se jħabblu rashom issa li anki tal-Malta Today – li sa ftit jiem ilu lil The Daphne Project sejjħulu fantasija bla provi – qed jitolbu r-riżenji tagħhom.
Hawn min igħid li għandhom problemi ħafna akbar fuqhiex iħabblu rashom. Fid-dinja jekk tiddeċiedi li tagħmilha ma’ persuni li huma perikolużi mmens, tkun qed tilgħab man-nar kemm il-darba dak li tkun wgħedt ma twettqux.
Meta nqatlet Daphne Caruana Galizia kienet għadha bil-kemm bdiet tgħarbel l-informazzjoni li kienu għaddewlha minn ġewwa l-Electrogas. L-investigazzjoni tkompliet minn The Daphne Project u dawn irnexxielhom jiskopru l-mod li bih intlaqtet ħażin u nstelħet kull familja Maltija.
Min għadda din l-informazzjoni x’aktarx stenna li l-proġett dwar l-enerġija mal-Ażerbajġan seta’ jinżamm. Iżda l-proġett kienu diġà ftehmu dwaru qabel l-elezzjoni tal-2013 u ntefqu flejjes kbar biex jiġi assigurat li fil-gvern jitla’ l-partit li miegħu ġie miftiehem kollox bil-quddiem.
M’hix kwistjoni li Joseph Muscat jaħseb li jista’ jgħaddiha lixxa jekk jibqa’ jżomm iggranfat miegħu lil Keith Schembri. X’aktarx li Joseph Muscat fil-fatt ma jistax iwarrbu.
Iżda Joseph Muscat jista’ jserraħ rasu li, bil-mod il-mod, iż-żejt kollu se jitla’ f’wiċċ l-ilma.