Il-Partit Nazzjonalista għadu ma weġibx għal stedina li saritlu xahrejn ilu mill-President biex jaħtar rappreżentanti tiegħu għal taħditiet dwar ir-riforma kostituzzjonali. Sorsi nfurmati sew qaluli li din il-kwistjoni għadha lanqas biss ġiet diskussa fl-ogħla organi tal-Partit, jiġifieri l-kumitat eżekuttiv u l-grupp parlamentari.

Il-gvern qed jappoġġja din l-inizjattiva dwar riforma kostituzzjonali iżda jkun jeħtieġ il-koperazzjoni tal-oppożizzjoni peress li xi tibdiliet jkunu jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament. Il-President Marie Louise Coleiro Preca qed tixpruna din l-inizjattiva fi sforz li jintlaħaq ftehim dwar it-tibdiliet kostituzzjonali. Dawn it-tibdiliet mistennija li jeffettwaw il-mod kif jaħdmu l-istituzzjonijiet li f’dawn l-aħħar snin kienu taħt pressjoni kbira minħabba l-fatt li dawn inħakmu minn paraliżi istituzzjonali sforz id-daqqa kbira li ħadet is-saltna tad-dritt fil-pajjiż. Fost il-kwistjonijiet li għad iridu jiġu diskussi hemm dawk dwar il-ħatra tal-imħallfin, is-separazzjoni tar-rwoli tal-prosekutur ewlieni u l-avukat ġenerali, l-awtonominja tal-pulizija u l-metodu tal-għażla tal-Kap tal-Istat.

Biex ikunu jistgħu jgħaddu dawn il-riformi, l-gvern ikun jeħtieġ l-appoġġ ta’ numru sostanzjali tal-membri tal-oppożizzjoni. Madankollu, fil-kuntest ta’ l-inizjattiva li ħadet il-President, ebda diskussjonijiet formali ma jistgħu jinbdew qabel il-PN jaħtar ir-rappreżentanti tiegħu.

L-Uffiċċju tal-President naqas li jwieġeb għal mistoqsijiet li saru minn din il-website u qal “li jkun prematur jekk isiru kummenti dwar il-proċess u li aktar informazzjoni se tiġi komunikata fil-ħin opportun”.