Ilna minn dalgħodu li qrajna fuq The Sunday Times of Malta li l-Pulizija qed tmexxi inkjesta kriminali dwar 17 Black. The Sunday Times of Malta ma qalitx dan b’mod ċar u tond, iżda tat ħjiel li ċ-chief of staff tal-Prim Ministru u Ministru tal-gvern huma s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali bħala persuni suspettati li kellhom sehem fi skandlu li f’Malta qatt ma kien hawn bħalu.
Daqshekk seta’ jitwemmen Konrad Mizzi meta fit-23 ta’ Lulju stqarr qisu mhux hu li l-inkjesta Egrant kienet eżonerat lilu u lil Keith Schembri u li “kien inkixef il-gideb ta’ Daphne Caruana Galizia”. Konna diġà nafu li dak li stqarr Konrad Mizzi ma kienet xejn ħlief barkata ħmerijiet. Iżda issa nafu wkoll li r-riżultat tal-inkjesta Egrant għalih kien ferħa bla temma. U llum Konrad Mizzi qara’ r-rapport fil-ġurnal li jgħid li hu u Keith Schembri huma l-persuni suspettati f’investigazzjoni kriminali. M’hemmx dubju li dan ilu jafu għal xi żmien.
Dalgħodu Joseph Muscat ipprova jiżloq bħal bużullieqa. Għax issa spiċċawlu l-iskużi kollha, ttanta jitkellem dwar dak li fil-fatt huwa minn ewl id-dinja u qalilna li m’huwiex xogħolu li jaqta’ sentenzi dwar il-ħtija ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi.
U żgur li mhux xogħolu. Dak xogħol l-Imħallfin wara li l-Pulizija u l-Avukat Ġenerali jkunu tellgħuhom il-qorti u xlewhom.
Fil-5 ta’ Mejju li għadda, Joseph Muscat kien stqarr li jekk ikun hemm investigazzjoni fuq Keith Schembri u jinstab li jeżistu raġunijiet li fuqhom il-Pulizija tkun tista’ tmexxi kriminalment kontrih, Schembri “jkollu jerfa’ r-responsabbiltà u jwarrab”.
F’Ġunju, ftit wara l-elezzjoni ġenerali u hekk kif ħabbar il-Kabinett, Joseph Muscat ma setax tkellem aktar ċar: “Dr Muscat qal li Keith Schembri jkollu jwarrab jekk ikun is-suġġett ta’ investigazzjoni mill-Pulizija”.
Illum il-Pulizija la ċaħdet, la kkonfermat u lanqas ikkummentat dwar ir-rapport li xxandar li Keith Schembri u Konrad Mizzi huma l-persuni suspettati li huma s-suġġett ta’ investigazzjoni kriminali. Kulma kellna llum kien spekulazzjoni kontinwa li kienet riżultat taż-żlieq ta’ Joseph Muscat u tas-skiet perfett minn naħa tal-Pulizija.
Dan m’hu xejn ħlief ġenn.
Fil-frattemp l-istorja li xxandret fil-faċċata ta’ quddiem ta’ The Sunday Times of Malta li rrappurtat ‘li nstab tarf u appik li qbadnihom’ b’rabta mal-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Pulizija la kkonfermatha, la ċaħditha u lanqas biss tniffset dwarha.
Dan x’ġenn hu?
Ilni minn dalgħodu nirċievi telefonati minn ġurnalisti barranin li qraw l-istorja mxandra f’The Sunday Times of Malta u dawn stennew li ngħaddilhom l-ismijiet, insemmilhom il-post fejn saru l-arresti u l-motivazzjonijiet tal-arrestati u ngħaddilhom rapport ta’ dak li stqarr il-kelliem tal-Pulizija dwar l-assassinju tal-ġurnalista. Kulma kelli biex ngħaddilhom kien dak li ġie rappurtat li qalet Corinne Vella, oħt Daphne, li hi – bħal ħaddieħor – qrat ir-rapport f’The Sunday Times of Malta, uli ħadd ma kien kellem lilha jew lil membri tal-familja tagħha qabel ixxandret l-istorja.
Stephen Grey ta’ Reuters – il-bniedem li l-ġimgħa li għaddiet xandar l-istorja dwar 17 Black u li hu wieħed mill-ġurnalisti li qed isegwi dak kollu li qed iseħħ f’Malta, ftit minuti ilu għamel tweet fejn qal li xi għejjun infurmawħ li The Sunday Times of Malta xandret informazzjoni żbaljata u li l-Pulizija għadha sal-lum ma tafx min kien il-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Għejjun infurmati qaluli li r-rapport li xxandar fis-sens li l-moħħ wara l-qtil tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia ġie identifikat, MHUWIEX MINNU: “Għadna ma sibniex tarf ……. u kollox għadu qed jiġi investigat” https://t.co/tqy4FXbC5m
— Stephen Grey (@StephenGrey) 18 ta’ Novembru 2018
X’hemm mistur wara din il-logħba?
Ir-raġuni tinsab fil-fatt li l-mazz jinsab f’idejn Joseph Muscat li jaf ben tajjeb li l-fatti jkunu jistgħu jitilgħu fil-wiċċ jekk kollox ikun ċar. U li l-Pulizija tkun tista’ tgħid li sabet tarf tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia meta tkun f’pożizzjoni li tixli lil xi ħadd u tippreżenta l-provi kontrih.
Fil-frattemp, dwar 17 Black il-provi li hemm kontra Keith Schembri and Konrad Mizzi diġà xxandru. Kulħadd jaf li Keith Schembri u Konrad Mizzi kienu ħolqu entitajiet li kellhom jirċievu ammonti kbar ħafna ta’ flejjes mingħand Yorgen Fenech tal-Electrogas.
Għalhekk hija ħaġa tad-daħk li l-Pulizija toħroġ stqarrija fis-sens li qiegħda tikkunsidra din l-affari bħala investigazzjoni ta’ reat kriminali. Qishom dak it-tabib li jmur jgħid li daqqa ta’ sikkina fl-istonku ta’ xi ħadd ikkawżat ferita li tkun teħtieġ attenzjoni medika.
Sentejn wara li sirna nafu bil-kumpanniji sigrieti tal-Panama, sitt xhur wara li ntbaħna bil-pjanijiet li kellhom bil-ħolqien ta’ 17 Black u ġimgħa wara li sirna nafu sid is-17 Black min hu, il-fatt li l-Pulizija qed tmexxi investigazzjoni kriminali ssir informazzjoni li tiġi mgħoddija b’mod kunfidenzjali lill-ġurnalisti minn investigaturi li m’humiex identifikati.
U issa li l-istorja xxandret, il-Pulizija tibqa’ siekta u tibqa’ ma tgħidilniex din l-informazzjoni hix minnha jew le.
M’hemmx għalfejn tkun xi professur bil-mustaċċi biex tintebaħ x’inhu jiġri. Dawk li qed jinvestigaw lil Keith Schembri huma beżgħana minnu. Is-setgħa kbira u omnipotenti li għandu qed twassal biex f’dawn l-investigazzjonijiet jibqa’ ma jinstabx tarf.
Dan jista’ effettivament ifisser li Joseph Muscat qed jagħti kenn f’Kastilja lil bniedem li qed jaħrab mill-ġustizzja. U għax qed jagħtih il-kenn, qed jimmina t-twettiq tal-ġustizzja.
Tkellimt ma’ xi avukati li qaluli li fil-liġi tagħna ma jidhirx li hemm klawsola speċifika li tagħti t-tifsira eżatta ta’ ‘imminar tal-ġustizzja’ bħal fil-każijiet, per eżempju ta’ Richard Nixon, Bill Clinton u Donald Trump.
Jidhirli li ħaġa bħal din hija assurdità legali. Il-Kostituzzjoni tagħna tgħid li Malta tħaddan sistema demokratika. Jekk ir-rappreżentanti eletti tagħna jużaw is-setgħa mogħtija lilhom biex jagħtu l-kenn lill-ħbieb tagħhom u biex jeżentawhom mil-liġijiet, u li din minnha nnifisha m’hix reat kriminali allura dan il-pajjiż mhux veru li jħaddan sistema demokratika.
Demokrazija ma tfissirx biss l-elezzjonijiet. Tfisser ukoll li l-liġi għandha tapplika għal kulħadd mingħajr eċċezzjonijiet u tapplika wkoll għal dawk li għandhom is-setgħa.
Issa li sirna nafu li Keith Schembri huwa suġġett ta’ investigazzjoni kriminali dwar 17 Black — kif fil-fatt għandu jkun — u Joseph Muscat ħallih f’postu, araw it-tweġiba għall-isfida ta’ Joseph Muscat.
Aktar ma jgħaddi żmien, aktar jidher li Joseph Muscat huwa mplikat fl-istorja ta’ 17 Black. U sakemm Joseph Muscat jibqa’ f’Kastilja, ma tistax iseħħ il-ġustizzja.