Nippretendi li f’dan l-istadju, s-sħab kollha fl-Electrogas kellhom għall-inqas jagħmlu stqarrijiet ċari biex jispjegaw x’kienu u x’ma kinux jafu dwar il-ħolqien ta’ kumpannija fid-Dubaj – 17 Black – u dwar il-ftehim li din laħqet mal-kumpanniji tal-Panama Hearnville u Tillgate biex tħallashom ammonti kbar ta’ flus. Minn investigazzjoni li saret mir-Reuters irriżulta li 17 Black kienet inħolqot minn Yorgen Fenech tat-Tumas Group. Meta kien qed iwieġeb għal mistoqsijiet li sarulu minn The Daphne Project huwa ma qalx jekk huwiex sid is-17 Black iżda ċaħad li kien għamel xi ħaġa ħażina.

Illum waħda mis-sħab fl-Electrogas, il-kumpannija Ġermaniża Siemens lil The Malta Independent qaltilha li hi ma kellha x’taqsam xejn ma’ 17 Black iżda li kienu qed isegwu mill-viċin l-aħbarijiet li kienu ġejjin minn Malta. Din l-istqarrija li għamlu ma tantx fiha sugu.

Hemm ukoll oħrajn iħawdu fil-borma. Is-sidien tal-Electrogas huma 3 kumpanniji: Socar Trading SA li s-sid tagħha hu l-istat tal-Ażerbajġan, Siemens Project Ventures GMBH u Gem Holdings Limited. Gem Holdings Limited hi komposta minn negozjanti Maltin li għandhom sehem fil-kuntratt tal-power station u hi proprjetà bi sħab bejn 4: 3 kumpanniji u individwu. It-tliet kumpanniji jirrappreżentaw l-akbar tliet negozji tal-familja li hawn f’Malta. Tumas Energy Limited u Gasan Enterprises Limited huma sidien terz tal-ishma kull wieħed f‘Gem Holdings Limited. U t-terz l-ieħor tal-ishma jinsab f’idejn tlieta oħra: żewġ terzi minnhom, jiġifieri 23.9% ta’ Gem HoldingsLimited f’idejn CP Holdings Limited għall-familja Apap Bologna. Hemm ukoll is-sehem ta’ 9.1% f’Gem Holdings Limited li s-sid tagħhom huwa Yorgen Fenech personalment.

Minn dak li sirna nafu s’issa dwar l-ishma ta’ Yorgen Fenech f’17 Black fid-Dubaj, hemm xi ħaġa li ma ddoqqx dwar dawn l-10% f’ishma u għalhekk jeħtieġ li jkun hemm l-ispjegazzjonijiet. Mhux aċċettabbli li jkun hemm min jgħid li dawn huma ħwejjeġ ta’ natura privata u kummerċjali. Gem Holdings Limited ngħatat mill-istat kuntratt strateġiku u li se jqallagħlha l-flus. Lanqas li xi ħadd minna kellu xi għażla jixtrix mingħadha jew le. M’aħniex fil-pożizzjoni li nixtru l-elettriku għal prezz irħas minn band’oħra fejn ma neħlux flejjes żejda biex jagħmlu tajjeb għat-tixħim li jitħallas lill-politiċi.

Mhux qed nistenna li tas-Socar se jwieġbu għal dawn il-mistoqsijiet. Iżda nistenna li tas-Siemens u ta’ Fenech, Gasan u Apap Bologna għandhom ikunu msejjħa biex jidhru f’inkjesta miftuħa biex iwieġbu.

Għaliex Yorgen Fenech personalment huwa azzjonist fil-Gem Holdings? Jekk qiegħed jirrappreżenta l-interessi tal-familja tiegħu, għaliex għandu ishma f’ismu personali separatament minn dawk ta’ Tumas Energy Limited? L-ishma li huma f’isem Yorgen Fenech personalment qed jinżammu għall-benefiċċju ta’ xi ħaddieħor? Dawn il-kumpanniji sħab meta kien li saru jafu bl-eżistenza ta’ 17 Black? Yorgen Fenech qatt qalilhom bl-eżistenza ta’ din il-kumpannija u qatt qalilhom li hu sidha? Issa li 17 Black ilha tissemma’ fl-aħbarijiet għal aktar minn sena, dawn il-kumpanniji sħab m’humiex imħassba ġaladarba Yorgen Fenech qatt ma qalilhom li huwa sid il-kumpannija? Il-kumpanniji sħab u l-azzjonisti tagħhom huma f’pożizzjoni li jiddikjaraw jekk qattx inġibditilhom l-attenzjoni li kumpannija ta’  Yorgen Fenech, direttur ta’ Electrogas Malta Limited, Gem Holdings Limited, Tumas Energy Limited u azzjonist f’Gem Holdings Limited, ġiet identifikata bħala l-entità li ħallset flejjes lil kumpanniji tal-Panama ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi? Għamlu xi forma ta’ inkjesta interna biex jistabilixxu l-fatti? Xi ħadd minnhom qatt għamel ħlasijiet lil 17 Black? Jafu b’kumpannija li ġġib l-isem Macbridge — kumpannija oħra li ġiet identifikata bħala li kellha tħallas flejjes fil-kontijiet bankarji fil-Panama ta’ politiċi? Stabilew min hu sidha jew min kien sidha u meta kienet ġiet reġistrata?

Il-ġustizzja ma ssirx biss meta l-ħati jingħata l-piena. Issir ukoll meta jinstab tarf tat-taħwid u tal-korruzzjoni f’kuntratti pubbliċi. Kull familja Maltija qiegħda tħallas għas-servizzi provduti mill-Electrogas. Tgħid qed iħallsu żżejjed? Milli jidher qed iħallsu iktar milli suppost u hemm minn jinsab mifqugħ bid-daħk.

[/fusion_text][/fusion_builder_column][/fusion_builder_row][/fusion_builder_container]