Hi ġustifikata l-kritika li saret mill-Istitut tal-Ġurnalisti lil Konrad Mizzi talli dan għażel li jaħrab mistoqsijiet tal-istampa ħielsa. Madankollu tal-IĠM ma qalux kollox. Kull darba li Konrad Mizzi jkun irid iwassal messaġġ lill-pubbliku, m’għadux jibgħat għall-membri tal-istampa u issa ħa d-drawwa li jonfoq flus mill-kaxxa ta’ Malta biex iħallas għar-riklami fil-media soċjali.

Dan għaliex m’huwiex sewwa?

Għaliex meta titwarrab l-istampa ħielsa mid-djalogu ta’ bejn il-politiċi u ċ-ċittadini, jispiċċa ma jkun hemm ħadd li jkollu l-ħila li jistaqsi mistoqsijiet pertinenti u li jgħarbel l-informazzjoni mgħoddija liċ-ċittadini. U kulma jifdal ikun biss propaganda li jafu jwasslu dawk id-dittaturi li ma jkunux imxekklin mir-rwol kritiku tal-ġurnaliżmu ħieles.

Tal-IĠM qalu wkoll li Konrad Mizzi jagħmel żewġ eċċezzjonijiet. Tinħareġ stedina lill-mezzi tax-xandir tal-Partit Laburista għall-attivitajiet tiegħu – iżda dawn ċertament ma jgħoddux għax m’huma xejn ħlief għodda għall-propagandisti li huma wżati minn Konrad Mizzi (għax impjegati mal-Partit Laburista) bl-istess manjiera li int qed tħallas għar-riklami li ta’ sikwit jagħmel fuq il-Facebook. Dawn ma jgħarblux b’mod kritiku l-informazzjoni li jiġbru u ma jagħmlux mistoqsijiet pertinenti. Jinqalgħu biss għall-propaganda.

Konrad Mizzi jagħmel eċċezzjoni oħra billi jistieden lill-ġurnalisti ta’ TVM. Il-ġurnalisti ta’ TVM m’humiex impjegati tal-Partit Laburista u huma marbutin bil-Kostituzzjoni ta’ Malta li jkunu  indipendenti u li jwasslu informazzjoni kritika lill-pubbliku. Ix-xandir huwa regolat minn entità kostituzzjonali li xogħolha hu li tara li l-mezzi tax-xandir jaġixxu indipendentement mill-gvern tal-ġurnata. Dawk li fasslu l-Kostituzzjoni tagħna kienu fehmu sew ir-rwol ċentrali tax-xandir pubbliku f’pajjiż demokratiku.

F’pajjiż tassew demokratiku, x-xandir pubbliku jingħata importanza kbira u l-Kostituzzjoni fit-teorija tagħti l-protezzjoni tagħha lill-ġurnalisti ta’ TVM li, bħall-kollegi tagħhom mal-BBC, France 2, ARD, RAI, TVE eċċetra, għandhom id-dritt u anke d-dmir li jħufu u jippersistu wara l-politiċi u jinsistu li jingħataw tweġibiet anke meta dawn jippruvaw jiżolqu minnhom. Iżda l-ġurnalisti ta’ TVM ma jagħmlu xejn minn dan kollu u spiċċaw saru estensjoni tal-għodda li l-Partit Laburista għandu għad-dispożizzjoni tiegħu. U l-istedina li Konrad Mizzi għamel lil TVM m’hi xejn ħlief konferma, jekk qatt kien hemm bżonnha, li – filwaqt li jibża’ mill-mistoqsijiet pertinenti li jistgħu jagħmlulu tat-Times of Malta, tan-Newsbook, tal-Malta Today, ta’ The Malta Independent u oħrajn – ma’ ta’ TVM iħossu komdu. Iżda tal-IĠM dan ma jistgħux igħiduh għaliex il-biċċa l-kbira tal-membri tiegħu huma impjegati ta’ One TV u ta’ TVM.

Tal-IĠM diġà għamlu xi ħaġa mhux tas-soltu meta lmentaw dwar id-diskriminazzjoni ta’ Konrad Mizzi. Iżda l-kwistjoni fil-fatt ftit għandha x’taqsam mad-diskriminazzjoni. Id-dritt m’huwiex strettament tal-ġurnalisti, iżda tal-pubbliku li għandu kull dritt li jkun infurmat b’mod kritiku. U dan id-dritt tal-pubbliku Konrad Mizzi qed jiċħadulu. Id-dmir li jkun kontabbli f’soċjetà demokratika Konrad Mizzi ma jaqdiħx billi jkellem biss li ta’ One TV jew billi jġiegħlek tħallas għar-riklami fuq il-Facebook. Madankollu l-aktar ħaġa li tiskantak hi kif il-ġurnalisti ta’ TVM lanqas biss għandhom id-diċenza li jżommu lura milli jkunu kompliċi ma’ dan kollu.

Ma kienx Konrad Mizzi li vvinta regola ġdida li bis-saħħa tagħha politiċi issa jistgħu jagħżlu li jarmu l-baħar id-dmir li dejjem kellhom li jkellmu lill-istampa. Lanqas ma kien Joseph Muscat li vvintaha, li issa anki hu lill-istampa qed jagħmel minn kollox biex jevitaha. Ma kien ħadd ħlief Donald Trump li vvintaha. Il-President tal-Istati Uniti jippretendi li jista’ jagħżel hu liema ġurnalisti għandu jistieden fil-White House biex jagħmlulu l-mistoqsijiet u min minnhom għandhom jitħallew jistennew barra fuq l-għatba. Dan l-aġir qatt ma kien wieħed aċċettabbli għal min jokkupa l-kariga ta’ President tal-Istati Uniti.

Id-demokrazija f’idejn populisti bħal Joseph Muscat qed titherra ma kull jum li jgħaddi u ġurnalisti f’pajjiżi demokratiċi huma fid-dmir li dan jaċċettawh qatt. Il-ġurnalisti huma l-unika tarka għall-qarrejja tagħhom. Il-ġurnalisti li jkunu mistiedna jagħmlu l-mistoqsijiet lill-politiċi għandhom ikunu huma li jistaqsu huma stess il-mistoqsijiet li kien messhom saru minn sħabhom li jkunu tħallew barra. Li kieku għandhom ftit amor proprju u li kieku jafu x’ifisser verament il-ġurnaliżmu, il-ġurnalisti ta’ TVM imisshom jiftehmu mal-ġurnalisti mwarrba biex dawn igħaddulhom il-mistoqsijiet li jkunu jixtiequ jistaqsu u lill-Ministru jagħmluhomlu huma stess. Jekk jonqsu li jagħmlu dan, allura ma jkun hemm ebda differenza bejniethom u bejn il-propagandisti ta’ One TV.

Nafu li Konrad Mizzi lil ta’ TVM jistmahom ta’ propagandisti. Iżda mhux daqstant importanti kif jistmahom Konrad Mizzi daqs kemm hu mportanti kif jistmahom il-pubbliku.