Illum l-Awditur Ġenerali xandar ir-rapport tiegħu ta’ 600 paġna dwar il-kuntratt tal-power station. Rapport li jsemmi n-nuqqasijiet kbar li nstabu li lkoll kemm huma jindikaw li kien hemm il-korruzzjoni.
Waħda mis-sejbiet mill-aktar sinjifikanti tar-rapport hi li l-Enemalta kienet iddeċidiet li toħroġ il-kuntratt tal-power station bil-mod mgħaġġel li ħarġitu, ftit jiem biss wara li tal-Labour ħadu f’idejhom ir-riedni tal-gvern fl-2013. L-Awditur qal li, b’riħet din l-għaġġla kollha, ma kienx sar paragun serju bejn il-metodu li ntagħżel u bejn metodi oħrajn bħal, per eżempju, x-xiri mill-Enemalta tal-apparat u t-tmexxija minnha stess tal-power station u dan minflok ix-xiri tal-enerġija mingħand sid il-power station.
X’hemm sinjifikanti f’dan kollu? Huwa ferm sinjifikanti l-fatt l-Awditur qabad lil tal-Labour f’gidba – gidba li komplew jirripetuha f’dawn l-aħħar ġimgħat. M’hemmx dubju li n-negozju dwar il-power station kien diġà miftiehem minn qabel l-elezzjoni tal-2013 u malli tal-Labour ħadu r-riedni tal-gvern, il-ftehim li kienu laħqu mponewh fuq l-Enemalta. Din ma kienet xejn ħlief indikazzjoni ċara ta’ korruzzjoni.
Fl-istess żmien li Brian Tonna tqabbad minn Konrad Mizzi u minn Keith Schembri biex joħloqilhom il-kumpanniji sigrieti fil-Panama, Brian Tonna kien ġie mqabbad biex jagħżel ir-rebbieħ tal-kuntratt tal-Electrogas. Din ma kienet xejn ħlief indikazzjoni ċara ta’ korruzzjoni.
Ir-rapport tal-Awditur isemmi wkoll it-taħwid u t-tbażwir a skapitu tal-konsumaturi li sar mill-gvern biex jara li żgur iseħħ in-negozju li kien ftiehem dwaru qabel l-elezzjoni tal-2013. L-Awditur qal li t-trasferiment tal-ishma fil-Gasol ma messux tħalla jsir wara li l-istess Gasol kienet falliet. U li kieku ma sarx it-trasferiment tal-ishma, tas-Socar, ta’ Tumas, ta’ Gasan, Apap Bologna u tas-Siemens kienu jitilfu n-negozju. Ir-riżultat kien li l-gvern kiser ir-regolamenti tiegħu stess biex in-negozju seta’ jinżamm fil-wiċċ. Din ma kienet xejn ħlief indikazzjoni ċara ta’ korruzzjoni.
Sa qabel l-elezzjoni tal-2013 Konrad Mizzi kien diġà mdaħħal fin-negozju tal-power station, wara l-elezzjoni nħatar Ministru tal-Enerġija u meta, minħabba l-Panama Papers, tilef postu u nħatar Ministru tat-Turiżmu, xorta waħda baqa’ jinnegozja mal-Electrogas. L-Awditur baqa’ skantat kif Ministru tat-Turiżmu tħalla jiffirma kuntratti mal-fornitur tal-enerġija qisu mhux hu. Indikazzjoni ċara oħra ta’ korruzzjoni.
Skond l-Awditur, il-gvern daħal f’riskju kbir u kiser ir-regolamenti tiegħu stess meta ta garanziji biex tal-Electrogas setgħu jissellfu: il-gvern espona ruħu għal riskji li ma jagħmlux sens kummerċjali. Indikazzjoni ċara oħra ta’ korruzzjoni.
Minbarra l-garanziji, l-gvern għamel preferenza ma’ tal-Electrogas fuq kompetituri oħra għall-kuntratt. Fi kliem ieħor, li kieku l-kuntratt bl-istess kundizzjonijiet li ngħataw lil tal-Electrogas, ingħata lil kuntratturi oħrajn, dawn kienu jkunu f’pożizzjoni li jagħmlu l-istess xogħol bi prezz orħos. Indikazzjoni oħra ċara ta’ korruzzjoni.
Minkejja l-fatt li tal-Electrogas ma żammewx konformi mal-kundizzjonijiet, l-offerta tagħhom xorta waħda ġiet aċċettata. Offerti oħra li ma żammewx konformi mal-kundizzjonijiet kienu twarrbu mill-kumitat tal-għażla. Iżda l-offerta tal-Electrogas ġiet aċċettata. Indikazzjoni ċara oħra ta’ korruzzjoni.
Fil-frattemp, l-Awditur issuspetta li minn naħa tan-Nexia BT l-affari kienet qed tinten. Dawn kienu fuq il-bord tal-għażla li għażel lil tal- Electrogas u kienu wkoll l-awdituri ta’ kumpannija li s-sidien tagħha huma ta’ Tumas, ta’ Gasan u Apap Bologna li hi wkoll sid ta’ terz tal-Electrogas. Minn naħa tagħhom, tal-Electrogas qalu li tan-Nexia kienu saru l-awdituri tagħhom wara li kienet intgħażlet l-offerta, iżda l-Awditur dan ma setax jinkkonfermah. Indikazzjoni ċara oħra ta’ korruzzjoni.
Skond l-Awditur, in-negozju li sar dwar il-power station kien wieħed jinten. Biżżejjed wieħed isemmi li l-kuntratt tneħħewlu l-kundizzjonijiet li soltu jiddaħħlu f’kuntratti ta’ din in-natura. U mbagħad komplew tneħħew aktar kundizzjonijiet sakemm ġie ffirmat il-kuntratt. Indikazzjoni ċara oħra ta’ korruzzjoni.
L-Awditur skopra li l-konsumaturi Maltin qegħdin iħallsu (skond ir-rati tal-llum) €10 miljun aktar kull 15 il-xahar li jinxtara l-elettriku mingħand tal-Electrogas minflok mill-interconnector li tal-Labour kienu wirtu minn żmien il-gvern ta’ Gonzi. Jeħtieġ niftakru li l-Enemalta issa tinsab marbuta li tixtri l-elettriku mingħand tal-Electrogas anke jekk l-elettriku ma jintużax u l-prezz se jibqa’ fiss anki jekk jinstab elettriku minn band’oħra li jkun irħas. Indikazzjoni ċara oħra ta’ korruzzjoni.
L-Awditur għamilhielna ċara li, minħabba l-korruzzjoni, l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma li qegħdin inħallsu huma aktar għoljin milli suppost ikunu. Il-gvern issa qed igħid li r-rapport tal-Awditur qed jagħtih raġun. U Konrad Mizzi bilġri ħareġ igħid li r-rapport “juri” li l-allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni huma bla bażi.
Konrad Mizzi bir-raġun jassumi li l-kotra tan-nies m’hix se toqgħod taqra’ s-600 paġna tar-rapport tal-Awditur. Jien stess għadni ma qrajtux kollu. Iżda bi ħsiebni naqrah kollu. Għaliex ir-rapport fih id-dettalji ta’ dak kollu li għamlu Konrad Mizzi and Keith Schembri biex jassiguraw li jseħħ in-negozju mas-sid tas-17 Black li, minn naħa tiegħu, kien wiegħed li jħallashom $150,000 fix-xahar kull wieħed.