Għalfejn qed isir dan l-għaġeb kollu li Kurt Farrugia għandu kopja tar-rapport dwar l-Egrant? Hu u jwieġeb fil-Qorti llum għall-mistoqsijiet ta’ Vince Galea tal-PN, Farrugia xehed li għandu kopja fl-uffiċċju tiegħu. Saħansitra qalilna biex ma noqgħodux ninkwitaw għax ir-rapport qed iżommu maqful. U wgħedna wkoll li ma weġibx għall- mistoqsijiet ta’ Keith Schembri – l-imgħallem tiegħu – jew ta’ ħaddieħor, dwar il-kontenut tar-rapport. Serrħilna rasna wkoll li l-kontenut tar-rapport huwa ta’ sodisfazzjon – għalih żgur li hekk hu.

Iżda fl-istess nifs Kurt Farrugia xehed li ma qarax il-kontenut tar-rapport għaliex il-kapitlu konklussiv tant huwa ċar li ma kellux għalfejn joqgħod jintilef  jaqra’ dwar il-motivazzjonijiet u l-evidenza li wasslu għall-konklużjoni tal-Maġistrat. Allura, skond ir-raġunament tiegħu, Kurt Farrugia ma jafx x’evidenza nġiebet li suppost wasslet għall-prova li l-familja ta’ Joseph Muscat ma xxaħħmitx mill-Ażerbajġan bis-saħħa tal-kumpannija tal-Panama Egrant.

Li kieku qed ngħixu fi żminijet normali, b’ċertu sarkażmu konna naslu biex ngħidu li kien ser ikollna noqgħodu fuq il-kelma ta’ Kurt Farrugia. Iżda, mill-banda l-oħra, huwa xehed li ma “kkonsultax” ma’ dan id-dokument tant jaħraq.

Qed jagħmlu tabirruħħom li ma jistgħux jifhmu il-għala qed issir din l-insistenza kollha. Il-prim ministru qed iserraħ il-każ tiegħu li m’hemmx provi li hu korrott fuq dokument li kważi ħadd għadu ma qara’ u dawk li allegaw li qrawh qed igħidu wkoll li ma “kkonsultawħx” sew. Dan huwa l-alibi tagħhom.

Qed jaġixxi bħal dak il-bniedem li għalkemm igħid li għandu dan l-alibi f’butu, jgħidilna wkoll li ma jistax jurihulna. Darba fost oħrajn Richard Nixon kien qal “xieraq li n-nies ikunu jafu l-President tagħhom huwiex ħalliel jew le. Jien m’jienix ħalliel. Dak li għandi akkwistajtu bl-għaraq ta’ xbini.”

L-aħħar sentenza ta’ kliem Nixon ma kinitx gidba.