M’hemmx dubju li Keith Schembri u Konrad Mizzi suppost issejjħu fil-kwartier ġenerali tal-Pulizija biex iwieġbu għal mistoqsijiet dwar l-imġieba tagħhom u dan minħabba d-dokumenti li nkixfu li minnhom innifishom huma prova ċara li dawn ħolqu kumpannija apposta biex tirċievi flejjes għan-nom tagħhom – flejjes li kienu se jiġu minn kumpannija oħra.
U issa sirna nafu li sid din il-kumpannija l-oħra huwa l-kap ta’ wieħed mill-kumpanniji fornituri li magħha sar il-ftehim dwar l-enerġija.
Għandna mitt raġun nirrabjaw għal min gawda, u għadu jgawdi, mill-korruzzjoni. Il-korruzzjoni m’hix biss reat kriminali – hi wkoll tradiment enormi. Il-pajjiż tellagħhom fil-gvern biex jaġixxu fl-aħjar interess tiegħu. Minflok għamlu hekk, aġixxew biss fl-aħjar interess personali tagħhom.
Kollu veru. Madankollu wieħed ma jixxaħħamx jekk ma jkunx hemm ukoll min ixaħħmu.
U allura jeħtieġ ukoll li ndawwru l-attenzjoni tagħna fuq dan Yorgen Fenech u lejn tat-Tumas Group għaliex dawn ukoll kien imisshom issejjħu mill-Pulizija. Minn dan kollu ma seħħ xejn. Il-klijenti tas- Satabank ġew imġiegħla jiddejjnu u, għax ħadd minnhom ma nzerta li hu Malti, kulħadd ġie jaqa’ u jqum. Iżda ta’ Tumas kienu u baqgħu għaddejjin bħallikeku ma ġara’ xejn. Yorgen Fenech inkixef bħala s-sid ta’ kumpannija reġistrata fid-Dubaj li ftehmet li tħallas flejjes lil kumpanniji ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi. Fi kliem ieħor, ftiehem li jxaħħam u dan huwa reat kriminali.
Yorgen Fenech huwa wkoll fornitur lill-pajjiż ta’ servizz regolat: tista’ tgħid li l-forniment lil Malta tal-enerġija jinsab f’idejħ u, jekk irid, jista’ jaqta’ l-provvista kif u meta jrid. Il-provvista tal-enerġija hi servizz strateġiku, delikat, kruċjali u wieħed li ma nistgħux ngħaddu mingħajru. Hu wkoll public service obligation li tant hu importanti l-gvern għamel użu minnu biex jiġġustifika l-fatt li l-Bank of Valletta ġiet imġiegħla tidħol għal riskju finanzjarju enormi biex seta’ ġie garantit is-self li sar lil tal-Electrogas.
Wieħed mis-sidien tal-Electrogas hi kumpannija mmexxija minn bniedem li fuqu hemm suspetti dwar reati serji ħafna. X’jiġri jekk Yorgen Fenech jiddeċiedi li ma jiflaħx għal aktar pressjoni fuqu u jgħeb mix-xena? X’jiġri jekk jikkonkludi li Konrad Mizzi u Keith Schembri ma jistgħux jibqgħu ituh il-kenn? X’jiġri jekk tas-Siemens iċedu għall-pressjoni li diġà qed issir fuqhom fil-Ġermanja minħabba l-allegazzjonijiet serji ta’ tixħim minn wieħed mill-imsieħba tagħhom fil-proġett ta’ Malta u jekk dan kollu jasal f’widnejn l-awtoritajiet ta’ dak il-pajjiż? X’jiġri jekk tas-Siemens jiddeċiedu li jabbandunaw kollox? Min se jerfa’ l-piż tal-ħofra fil-finanzi li jispiċċaw ikollhom tal-Electrogas? U min se jiggarantilna l-kontinwazzjoni tal-forniment tal-enerġija?
Hemm ukoll kumplikazzjonijiet oħra. Tat-Tumas Group ma joperawx biss f’suq regolat wieħed. Dawn huma mdaħħlin ukoll fin-negozju tal-imħatri u joperaw il-casinos, jorganizzaw tournaments tal-poker u investew ukoll fl-online gaming. Uħud minn dawn il-liċenzji jinsabu fl-ismijiet ta’ wħud mill-aħwa Fenech: x’aktarx ukoll f’isem Yorgen Fenech. Dan qed jitqies bħala “persuna idoneja” għall-finijiet tal-liġijiet dwar il-gaming?
Tat-Tumas Group huma mdaħħlin ukoll fil-proprjetà. Dawn jixtru l-proprjetà u mbagħad ibiegħuha bħala appartamenti għal ammonti kbar ta’ flus. X’se jagħmlu issa n-nutara? Se jixgħalu bozza ħamra fuq kull biċċa proprjetà li tinbiegħ b’kuntratt mit-Tumas Group minħabba l-liġijiet dwar il-ħasil tal-flus maħmuġin?
Għax meta jseħħ dan it-taħwid kollu, jsofru mhux biss ir-reputazzjonijiet ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi: dawn it-tnejn ma tantx fadlilhom x’jitilfu mir-reputazzjoni li darba seta’ kellhom.
Isofri l-pajjiż kollu.