X’aktarx li Konrad Mizzi qed iġiegħek tħallas għal riklami li huma mmirati li jaljenawlek l-attenzjoni tiegħek minn fuq il-flus li qed jisraqlek fil-kontijiet tad-dawl. Ħalliel darba, ħalliel dejjem. Kemm ilhom li nkixfu u xxandru provi li l-fornitur, li miegħu kien iffirma kuntratt għall-bini ta’ power station, kien ħoloq kumpannija fid-Dubaj biex minnha huwa jitħallas $150,000 fix-xahar f’tixħim, bdiet kampanja moqżieża fil-Facebook permezz ta’ riklami li jistednuna ninżlu għarrkubbtejna biex inroddulu ħajr. U l-ħlas għal dawk ir-riklami bla dubju ttieħed mit-taxxi tagħna. L-istess kif sar meta saru kampanji simili fl-imgħoddi li wkoll kienu tħallsu mill-kaxxa ta’ Malta.

Iċ-ċiniżmu li għandhom hu wieħed li jbellħek. Qabel l-elezzjoni tal-2013 Konrad Mizzi, flimkien ma’ Keith Schembri, kien irranġa biex minn kull kont tad-dawl li int tkun ħallast għat-18 il-sena li ġejjin, jobrom sehem li kellu jmur dritt f’kont bankarju sigriet barra minn Malta. U pperswadiek li tivvotalu għax ikkonvinċiek li kellek tgawdi mill-pjan li kellu għall-enerġija.

Iżda moħħu kien biss dwar kif se jisloħ il-miljuni minn fuq dahrek. Dan il-bniedem, li jdejħ suppost jinsabu fil-manetti, issa qed jagħmel minn kollox biex jipprova jnessina li l-provi skjaċċanti li nkixfu ma jista’ qatt jiċħadhom.

Kif kitbet Le Monde is-Sibt li għadda, is-suspetti li kien hemm dwar korruzzjoni fil-qrib Joseph Muscat issa ġew konfermati. Inkixfu fatti li inutli jkomplu jippruvaw jiċħduhom. Iżda Konrad Mizzi issa qed jagħmel kampanja biex jipperswadina li aċċettabli għalih li jixxaħħam għaliex, allegatament, issa, qed nirrespiraw arja aktar nadifa u qed inħallsu anqas minn dak li konna nħallsu għad-dawl taħt in-Nazzjonalisti. Bħallieku qed igħidilna ‘qed nixxaħħam għall-ġid tagħkom ta’.

Minn għejjun ta’ min joqgħod fuqhom, ninsab infurmat li l-Pulizija qed tikkunsidra li tipproċedi kontra Konrad Mizzi u Keith Schembri u dan minħabba l-pressjoni li jinsabu taħtha l-awtoritajiet wara li nkixfu dawn il-provi kollha. Ma tantx għandhom x’jinvestigaw għax xogħolhom diġà għamluh il-ġurnalisti.

Iżda issa qed iġibu l-iskuża li lil dawn il-ħallelin ma ġabruhomx għaliex s’issa ma rriżultawx provi li l-flus minn 17 Black spiċċaw fil-kontijiet ta’ Keith Schembri u ta’ Konrad Mizzi. Din fil-fatt m’hi skuża xejn. Stupratur ma tiskużaħx għaliex b’xorti tajba ma jkunx irnexxielu jkollu x’jaqsam sesswalment mal-vittma. Hawn għandna każ ta’ reat kriminali serju u l-iskandlu jinsab fil-fatt li minkejja l-provi kollha li diġà hemm, il-pulizija qed tirrifjuta li tiċċaqlaq. Minnu nnifsu, dan l-aġir huwa reat kriminali.

U hemm ukoll l-ordni li ħarġet il-qorti lill-Pulizija aktar minn sena ilu fuq talba li kienet saret minn Simon Busuttil biex dawn jibdew jinvestigaw, liema ordni qed tiġi kontestata fil-qorti mill-avukati ta’  Joseph Muscat. Hu, l-imgħallem ta’ Konrad Mizzi, u l-moħħ wara din il-ħadma.

M’għandniex xi ngħidu, il-Pulizija m’għandhiex għalfejn toqgħod tistenna l-ordni tal-qorti biex tonora l-obbligu morali u legali tagħha li tmexxi fuq kull reat kriminali li ssir taf bih.

Jekk int tinsab irrabjat, oqgħod segwi r-riklami ta’ Konrad Mizzi dwar kemm int għandek tkun tafulu. Wara kollox, x’aktarx dawk ir-riklami int qed tħallashomlu minn butek.

Jew inkella tista’ tingħaqad magħna fil-protesta li ser ssir nhar il-Ġimgħa 16 ta’ Novembru fis-7 ta’ filgħaxija quddiem il-bini tal-Qorti.