Teżisti regola bażika li jifhimha kulħadd: jekk issir xi ħaġa llegali, l-Pulizija għandha tinvestiga biex issir taf x’ġara’ jew ma ġarax, għandha tiġbor il-provi li jista’ jkun hemm dwar ksur tal-liġi u mbagħad għandha tixli quddiem il-qorti lil min ikun kiser il-liġi. Għalkemm hemm ħaddieħor li jista’ wkoll jgħin biex ma tinkisirx il-liġi, li jikxef il-ksur tal-liġi jew anki li jiġbor il-provi, ir-reati kriminali jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Pulizija. Madankollu l-Pulizija ma tistax tagħti sentenzi: is-sentenzi l-qrati biss jistgħu jagħtuhom u din hi r-raġuni għaliex il-Pulizija u l-Qrati jaħdmu indipendentement minn xulxin. U meta l-qorti tagħti sentenza, jista’ jsir appell minnha quddiem qorti superjuri b’talba biex is-sentenza tinbidel.
Kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi jeżistu provi li dawn wettqu reati kriminali. Ġaladarba dan fil-fatt huwa l-każ, il-Pulizija jmissha qiegħda tinvestigahom, tiġbor il-provi (liema provi wieħed ukoll jista’ jsibhom online), tarrestahom, tixlihom u tmexxi kontrihom bil-qorti. Minn dan kollu ma seħħ xejn.
Biex jaljenawna, Keith Schembri u Konrad Mizzi u l-ħabib u sieħeb tagħhom Joseph Muscat qed iġiegħlu lill-kellima Laburisti jirrepetu kantaliena li m’hi xejn ħlief gidba sfaċċata. Qed jiġu mġiegħla jirrepetu li li “hemm inkjesta għaddejja’. Din hi gidba. Ħadd ħlief il-ġurnalisti m’huma jinvestigaw lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi. L-istat jinsab imminat u maħkum u qed ifalli quddiem għajnejna.
Meta Simon Busuttil kien talab u akkwista ordni tal-qorti biex il-Pulizija tinvestiga l-Panama Papers, dan kellu jagħmlu għaliex il-Pulizija naqset minn dmirha li tinvestiga minn jeddha. M’hemmx dubju li dan m’huwiex il-mod kif wieħed jinvestiga r-reati kriminali u jmexxi kontrihom. Nistaqsi: min, per eżempju, jaqla’ daqqa ta’ sikkina f’dahru jkun jeħtieġlu joqgħod imur il-qorti biex il-Pulizija tkun tista’ tiċċaqlaq u tistaqsih min kien li taħ id-daqqa? Simon Busuttil mar il-qorti appuntu għaliex ma saret ebda investigazzjoni u, minkejja li l-qorti ordnat lill-Pulizija biex tibda’ tinvestiga, l-Pulizija xorta waħda baqgħet ma ċċaqilqitx. U għadha sal-lum ma bdietx tinvestiga għaliex Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri appellaw mis-sentenza tal-qorti li ordnat lill-Pulizija biex tinvestiga.
Tal-Labour qed igħidulna li dan kien dritt tagħhom għax kif “spjega” Chris Fearne “kulħadd għandu d-dritt li jappella f’proċess ġudizzjarju”. F’ġieħ kemm hemm! Dan m’huwiex il-proċess ġudizzjarju li suppost ilu li nbeda’ sentejn ilu. Li kieku dan tabilħaqq inbeda’ sentejn ilu, il-Pulizija bħalissa qegħda tixli b’reati kriminali lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi u tippreżenta l-provi quddiem il-qorti. UU waqt li l-appell tagħhom ikun qed jinstema’ saħansitra jkollhom ukoll id-dritt li jittieħdu l-qorti f’vann bil-fanali blu jteptpu u bil-kliem CCF mal-bibien, kollox imħallas mill-gvern. Dak hu l-appell li għandhom dritt għalih.
L-appell li hemm bħalissa qed iservi biss biex jagħmel il-bsaten fir-roti lill-kors tal-ġustizzja. Le, s-saltna tad-dritt ma tirrispettahiex meta l-liġijiet jintużaw biss għall-konvenjenza tas-setgħana. Ġaladarba l-Pulizija naqset – u baqgħet tonqos sal-lum – li tiċċaqlaq kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi, il-liġijiet diġà m’humiex qed jiġu applikati. U li hu aktar gravi huwa l-fatt li l-appelli ta’ Konrad Mizzi u ta’ Keith Schembri (u ta’ Joseph Muscat), jinqatgħu kif jinqatgħu, se jibqgħu irrelevanti għad-dmir tal-Pulizija li tinvestiga u taġixxi. Jekk l-appell jiġi miċħud u l-ordni tal-ewwel qorti lill-Pulizija tiġi konfermata, il-Pulizija ma jkollhiex għażla oħra ħlief li tagħmel tabirruħħa li qed tinvestiga. Iżda jekk l-appell jiġi milqugħ u l-ordni tal-ewwel qorti tiġi mwarrba, il-Pulizija xorta waħda tibqa’ fid-dmir li tinvestiga l-provi — b’mod partikolari dawk il-provi li kienu għadhom ma waslux f’idejn Simon Busuttil meta ppreżenta r-rikors fil-qorti xhur ilu – li issa jinsabu għad-dispożizzjoni tla-pubbliku.
Dawn qegħdin jigdbu lill-poplu u lill-bqija tad-dinja. Iżda dawn jafu li qegħdin ukoll jigdbu lilhom infushom? Possibbli ma tmisshomx il-kuxjenza meta jisimgħu lilhom infushom jistqarru li qed issir investigazzjoni dwar 17 Black u li hemm proċess pendenti? Nistaqsi: jekk ikun hemm min jidħol f’darek biex jisirqek u int jirnexxielek takkwista filmat tas-CCTV, marki tas-swaba, provi tad-DNA u tliet xhieda li jkunu raw lill-ħalliel b’għajnejhom, taħseb li int ikollok għalfejn toqgħod tmur il-qorti biex tinħareġ ordni lill-Pulizija biex lill-ħalliel jarrestawh? U jekk int tagħmel dan kollu u l-ħalliel jappella mill-ordni tal-qorti, se tmur tgħid li l-ħalliel qed jeżerċita d-drittijiet tiegħu biex imbagħad, sakemm jinqata’ l-appell, jilħaq ibiegħ dak li jkun seraqlek?
Meta wieħed jintrabat ma’ inġustizzja bħal din, ikun qed jarmi l-baħar dik l-istess ġustizzja li jaf jiġi bżonn fil-futur. Meta jaġixxu b’dan il-mod biex jagħtu kenn lill-imgħallem tagħhom, ikunu qed jittradixxu d-dmir tagħhom li jħarsu lil pajjiżna mill-kriminalità u mill-korruzzjoni.