Stqarrija

Numru t’attivisti mis-soċjeta’ ċivili ħabbru t-twaqqif ta’ ‘Repubblika’ organizzazzjoni mis-soċjeta’ ċivili bl-għan li jipparteċipaw fid-djalogu nazzjonali dwar il-ħarsien u t-titjib fil-mezzi tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-ħarsien u t-tisħiħ tad-demokrazija f’Malta.

L-attivisti stqarrew l-impenn tagħhom lejn il-valuri kostituzzjonali tas-sewwa li sejjħulhom is-sisien tal-ħajja tas-soċjeta’ Maltija. Fl-istess waqt esprimew inkwiet kbir dwar it-tmermir kontinwu u perikoluż ta’ dawn is-sisien.

L-attivisti qalu li Repubblika trid tissielet kontra:

  • Il-ħakma tas-soċjeta’ minn min għandu interessi korrotti;
  • It-tendenza tal-istituzzjonijiet li jagħlqu għajnejhom għat-taħwid, jipproteġu lill-korrotti u jippermettu l-abbuż tal-poter;
  • L-użu tal-liġi bħala l-arma tas-setgħan biex jikkastiga lil min jiqaflu waqt li l-bażużli jitħallew għaddejjin bil-korruzzjoni;
  • Ħatriet fil-ġudikatura li jippremjaw servizz partiġġjan;
  • It-trattament tal-forzi tal-ordni bħala korpi partiġġjani;
  • Il-ħabi t’informazzjoni dwar materji t’interess nazzjonali;
  • It-theddid lill-ġurnaliżmu investigattiv;
  • It-tgħajjir organizzat u t-theddid lil min jikkritika lis-setgħana;
  • Edukazzjoni li twarrab il-valuri u tgħallem lit-tfal li l-gvern hu s-sid u mhux il-qaddej tagħhom;
  • Il-qerda tal-ġid komuni bħall-arja, il-kampanja u l-baħar;
  • It-tħassir minn spekulaturi moħħhom fil-flus tar-riżorsi naturali u kulturali tagħna;
  • Il-qerda tal-widien, ix-xagħri, il-mergħat u l-għelieqi;
  • L-opaċita’ ta’ min imexxi s-servizzi tal-kura tas-saħħa;
  • It-tisrif taċ-ċittadinanza tagħna fi flus u t-tolleranza għal kriminali dinjija li jużaw Malta biex jaħslu flushom;
  • L-inugwaljanzi dejjem jikbru fis-soċjeta’ tagħna.

Is-sewwa jrid ikeċċi ‘l-korruzzjoni, il-ġustizzja trid issir ma’ kulħadd, il-kuraġġ irid jegħleb il-biża’.

Repubblika trid tikkontrobwixxi għad-diskussjoni nazzjonali dwar il-preżent u l-futur ta’ pajjiżna u fl-istess waqt trid tfisser fejn jidhrilha li l-poter stabbilit jeċċedi l-limitazzjonijiet maħsuba fil-kostituzzjoni u jhedded jew jgħaffeġ l-aspirazzjonijiet ta’ soċjeta’ ħielsa u miftuħa.

Il-membri fundaturi ta’ Repubblika huma Robert Aquilina, Karl Camilleri, Sammi Davis, Manuel Delia, Alexander Hili, Joe Pace Asciak, Marion Pace Asciak, Simon Sansone u Pia Zammit.

Marion Pace Asciak hija ċ-Chairperson ad interim ta’ Repubblika.

Repubblika m’hi affiljata mal-ebda partit politiku u għalkemm napprezzaw is-servizz pubbliku tal-politiċi kollha ta’ rieda tajba ma’ nqisux li s-soċjeta’ ċivili għandha tkun l-ispazju fejn politiċi, eletti jew kandidati, jimmilitaw.

Il-missjoni ta’ Repubblika mhix limitata għal xi leġislatura u ma tilħaqx xi milja ma’ xi elezzjonijiet. Din mhix missjoni programmatika jew li trid xi partit li jirbaħ fuq ieħor. Repubblika tissielet għall-valuri u l-aspirazzjonijiet li fl-ambizzjoni tagħna għandu jkollhom il-kunsens u r-rispett ta’ kulħadd ikun min ikun qed jiggverna.

Fil-ġimgħat li ġejjin se tissejjaħ Laqgħa Kostitwenti ta’ Repubblika biex tadotta l-istatut u l-karti li jagħtu sura lill-moviment.

Min jixtieq ikun infurmat dwar l-inizjattivi tal-moviment jew jixtieq jesprimi interess biex jissieħeb hu mistieden iżur il-paġna elettronika www.facebook.com/repubblika.