Mhux ta’ b’xejn qed jaħarbu lill-ġurnalisti bħallikieku dawn għandhom il-pesta. Mhux ta’ b’xejn qed jirrifjutaw li jiġi ntervistati minn ġurnalisti internazzjonali biex imbagħad bl-ardir kollu jibgħatu l-ambaxxaturi biex jilmentaw mal-imgħallmin tagħhom dwar żbilanċ fl-irrappurtat tal-istejjer. Mhux ta’ b’xejn qegħdin jiksru l-liġijiet bl-addoċċ f’attentat biex iwaqqfu l-ġurnalisti milli jagħmlu dmirhom u jistaqsuhom il-mistoqsijiet.
Qed jagħmlu dan għax m’għandhomx tweġibiet x’jagħtu.
Joseph Muscat kellu ż-żmien kollu biex iħejji tweġiba għall-mistoqsija li tinsab fuq fomm kulħadd. Kien messu ilu li pprepara ruħu għall-mistoqsijiet tal-membri tal-istampa.
Issa li nqabdu li kienu lestew kollox biex jibdew jirċievu $150,000 fix-xahar f’tixħim, Keith Schembri u Konrad Mizzi meta se jerfgħu ir-responsabbiltà politika? Għaliex ma keċċihomx? Meta se jassumi r-responsabbiltà politika?
Messu kien imħejji biex iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet. Wara kollox, fl-2013 kien talab l-istess ħaġa mingħand Lawrence Gonzi li minn naħa tiegħu kien immedjatament ordna li tingħata l-immunità lil xhud li kkopera mal-prosekuzzjoni biex jiġi determinat kienx hemm politiċi mplikati fil-korruzzjoni, keċċa lill-uffiċjali li kienu ssemmew u ħa ħsieb biex il-Pulizija – permezz tal-istess uffiċjal tagħha li kien qafel il-ħabs fuq korruzzjoni lil dak li kien il-Prim Imħallef – biex imexxi skond il-liġi kontra kull min kellu x’jaqsam.
Kulħadd kien ġie investigat. Tal-Partit Laburista għamlu inkjesta Parlamentari li kienet bgħatet għal Lawrence Gonzi, Austin Gatt u Claudio Grech. Anki għalija kienu bgħatu. U l-uffiċjali li ssemmew dwar korruzjoni ġew mixlija fil-Qorti. M’għandniex xi ngħidu, f’dak il-każ ma kienx hemm korruzzjoni fil-livell politiku.
Issa x’se jiġri? Marritlek l-arja, Joseph? Qed iżeffen fin-nofs lill-Egrant, iżda l-melodija li qed tindaqq bħalissa ma taqbilx maż-żifna. Meta kien moħħu mistrieħ li l-provi kienu diġà għebu, kienet ħadmitlu l-iskuża li ‘jekk issibu nitfa ta’ prova, nirriżenja”. U jista’ jkun li ħadmitlu fuq l-Egrant. Ifhmuni sew: “jista’ jkun”.
Madankollu fuq 17 Black m’hix se taħdimlu. Għaliex din id-darba il-provi qegħdin iswed fl-abjad. M’aħniex infittxu mod kif jista’ jkun “implikat” Joseph Muscat. Diġà huwa implikat għax lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi ma keċċihomx. Igħidilna li mhux bi ħsiebu jindaħal biex b’hekk qed jassumi r-responsabbiltà politika għall-aġir tagħhom.
Joseph Muscat imissu jerġa’ jisma’ l-video ta’ dak li hu stess kien stqarr fl-2013. Dakinhar kien ippreżenta ruħu bħala ż-żgħażugħ kunfidenti lest biex jassumi l-poter. Araw ftit 5 snin x’differenza jafu jagħmlu.
Joseph Muscat, int implikat fl-iskandlu 17 Black. Int qed tirrifjuta terfa’ r-responsabbiltà politika li.
Tista’ ddabbar rasek minn issa.