Robert Arrigo se jorganizza festin għall-kostitwenti f’għeluq sninu fl-1 ta’ Diċembru fil-Lukanda Dolmen. Min hu dilettant ta’ dawn l-okkażjonijiet, aħbar bħal din is-soltu jsibha fil-paġni ta’ In-Nazzjon. Iżda din is-sena Robert Arrigo ħa deċiżjoni strateġika biex il-festin ta’ għeluq sninu ma jirreklamaħx la f’In-Nazzjon u lanqas f’xi mezz ieħor tax-xandir tal-PN u min ikun irid jixtri biljett għall-festin li jiswa’ 25 ewro jkollu jċempillu jew jibgħatlu messaġġ fuq in-numru tiegħu.

Li kieku konna qegħdin ngħixu fi żminijet normali, ħaġa bħal din kienet tkun waħda tas-soltu u b’daqshekk ma kien ikun ġara’ xejn. Iżda l-verità hi li m’aħniex ngħixu fi żminijiet normali.

Possibbli li l-Viċi Kap tal-PN ma ndunax li bl-organizzazzjoni tal-festini għall-kostitwenti f’waħda mil-lukandi ta’ Tumas qed ikun insensittiv, aktar u aktar fi żmien meta l-kap tiegħu stess Adrian Delia qed jirreklama l-kritika li se jagħmel illejla f’Xarabank dwar 17 Black? Igħidu li int innoċenti sakemm ma jiġix pruvat il-kuntrarju. Iżda issa rajna provi iswed fl-abjad li min illum imexxi lit-Tumas Group kien lesta’ t-triq biex ixaħħam lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri bi bdil ma’ kuntratti tal-gvern.

M’għandniex xi ngħidu, għad hemm partitarji Laburisti li għadhom qed jinjoraw il-fatti u qed jaħsbu li din m’hi xejn ħlief qlajja’. Iżda għal min qed igħix f’dinja u min l-iswed ma jsejjaħlux abjad, ir-rabtiet korrotti bejn in-negozju u l-politika issa m’għadhomx suspett: issa dawn huma fatt.

Wieħed għandu jistenna’ li l-politiċi jkunu minn ta’ l-ewwel li jżommu ‘l bogħod minn dak kollu li jista’ jitfa’ xi dell fuq l-integrità tagħhom. Robert Arrigo dan jifhmu wkoll. Iżda minflok jara kif jagħmel biex isib post ieħor għall-festini ta’ għeluq sninu — xi post minn tiegħu stess forsi? — jorganizzahom baxx baxx biex ma jindunax xi ġurnalist fonqla bħal Manuel Delia “li jrid jagħmel ħsara lill-partit”.

Vallapena dan kollu minħabba festin għall-kostitwenti?

M’hemmx dubju li ser ikun hemm min jiġbidli l-attenzjoni li darba jien ukoll kont kandidat politiku u li kont organizzajt attività għall-kostitwenti fid-Dolmen. Veru. Iżda dak kien 6 snin ilu u ferm qabel konna ntbaħna Yorgen Fenech u Konrad Mizzi x’kienu qed iħawdu fil-borma.